Kollużjoni tal-prima klassi!
Il-‘real deal’ kif kien ġie msejjaħ minn xi wħud it-trasferiment ta’ tliet sptarijiet tal-Istat – San Luqa, Karin Grech u Għawdex – għal Vitals u sussegwentement għand Steward issa ġie konfermat li kien tradiment sfaċċat tal-fiduċja tal-poplu. Dan il-ftehim orkestrat permezz ta’ kollużjoni bejn Steward u uffiċjali mlaħħqa tal-gvern, ma kienx imfassal biex jipprovdi kura tas-saħħa ta’ kwalità iżda serva biss l-aġendi moħbija. Jekk tneħħi s-salarji, aħna ċ-ċittadini ħriġna €267 miljun, li tagħhom m’hemmx traċċa. Il-flus la jiġu mix-xejn u daqstant ieħor ma jisparixxux waħedhom.
Il-qorti ċivili kienet diġà iddikjarat il-ftehim bħala wieħed null filwaqt li kienet qalet li kien hemm ingann min naħa u inġenwità min naħa l-oħra. Il-qorti tal-appell marret lil hinn, u enfasizzat li l-miri ta’ dan il-ftehim ma ntlaħqux għax kien hemm kollużżjoni. Minflok ħarsu l-interessi nazzjonali, l-awtoritajiet komplew iħawdu filwaqt li jżommu kollox mistur.
Jekk kellna nagħtu l-benefiċċju tad-dubbju, dan il-ftehim juri inkompetenza grassa, uffiċjali bla sinsla, taskuraġni, u ksur tal-ġurament. Jeħtieġ li tintrefa’ r-responsabbiltà politika u amministrattiva. Il-qorti tal-appell tat ħjiel għal mottivi ulterjuri lil hinn l-mill-interessi nazzjonali, fatt li qabel kien diġà irrimmarka dwaru l-Awditur Ġenerali. Minkejja dan, il-partit fil-gvern baqa’ ċass u iddefenda l-indifensibbli.
Ir-reazzjoni tal-gvern tidher waħda ta’ paniku. Id-dikjarazzjoni li se jħares l-interessi nazzjonali ma hi kredibbli xejn, meta wieħed iqis kif dawk l-istess interessi ġew sagrifikati biex gawdew il-ftit.
Il-ġustizzja titlob li l-persuni kollha involuti jinżammu responsabbli u li jroddu lura dak kollu misruq minn but il-poplu. Il-fatt li l-Gvern ħa lura l-kontroll tal-isptarijiet mhux biżżejjed; il-kwistjoni reali trid tiġi ttrattata b’mod dirett.
Il-Partit Nazzjonalista għandu raġun li jitlob kontabbiltà, iżda dan huwa biss il-bidu. L-infurzar tal-liġi u l-avukat ġenerali jridu jieħdu passi b’mod immedjat biex iħarrku jħarrku lill-uffiċjali msemmija mill-qorti tal-appell. Dawk responsabbli, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u kapijiet ta’ aġenziji tal-gvern, iridu wkoll iwieġbu għal għemilhom.
Il-lista ta’ dawk involuti x’aktarx testendi lil hinn minn dawk imsemmija fil-qorti. Aħna ċ-ċittadini li nħallsu t-taxxi, qed inġorru dan il-piż. Dan l-iskandlu, probabbilment l-akbar wieħed ta’ żmienna, għandu jibqa’ fuq l-aġenda pubblika. Fi kwalunkwe pajjiż normali, affarijiet bħal dawn jistgħu saħansitra jwasslu biex tissejjaħ elezzjoni.
Il-UHM Voice of the Workers sa mill-bidu nett kienet wissiet li din kienet serqa fid-dawl tax-xemx. Tul din is-saga kien hemm żminijiet meta intenzjonalment l-union ġiet iżolata flimkien mal-union tat-tobba talli ma qagħditx għal kollox u m’aċċettatx li tkun parti minn dan il-ftehim korrott. Filwaqt li l-UHM ngħatat raġun, sfortunatament l-impjegati li kienu ingaġġati minn Vitals u Steward għadhom qed jistennew il-ġustizzja. Għalkemm sa fl-aħħar ġew trasferiti fuq il-kotba tal-gvern (meta kien imisshom ġew ingaġġati mill-ministeru tas-saħħa mill-ewwel), dawn xorta għadhom qed jiġu diskriminati minħabba li s-snin ta’ servizz tagħhom mal-konċessjonarju ma nżammux. Għalhekk, il-paga tagħhom meta mqabbla mal-kollegi fuq il-kotba tal-gvern hija aktar baxxa. Dan huwa biss aspett wieħed tal-legat tal-Vitals-Steward. L-aħħar tama tagħna hija li l-kwistjoni tiġi solvuta darba għal dejjem mill-qrati.
Filwaqt li dan jidher improbabbli, iċ-ċittadini jridu jagħmlu pressjoni fuq il-gvern. Id-dijanjosi hija ċara; issa, l-pajjiż jeħtieġ il-kura. Wasal iż-żmien li l-ġustizzja tirbaħ.