Malta qed titlef il-ġlieda kontra l-obeżità
Konsum baxx ta’ frott u speċjalment ħaxix, ħafna għoli soft drinks u ħelu, kolazzjon irregolari u ftit li xejn attività fiżika huma r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ progress ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-obeżità.
Dan sar magħruf f’rapport mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li minnu ħareġ li kważi l-miri kollha stabbiliti għaxar snin ilu ma ntlaħqux. Skont l-aħħar statistika 35.4% tat-tfal, 31.2% tal-adolexxenti u 63.8% tal-popolazzjoni adulta għandhom piż żejjed.
L-eżerċizzju sar kienet analizzata l-aħħar statistika fil-kuntest tal-miri stabbiliti fl-Istrateġija tal-Piż b’Saħħtu għall-Ħajja tal-2012. Sfortunatament, l-istatistika tindika li ma sar l-ebda progress, tant li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hemm evidenza li s-sitwazzjoni marret għall-agħar.
Mill-ħażin għall-agħar
L-istatistika għall-perjodu 2013 sal-2019 għal tfal ta’ seba’ snin tindika rati ta’ obeżità (17.0% għal 17.1%) u xejra ta’ żieda fil-pre-obeżità (16.0% għal 18. %) u piż żejjed (33% għal 35.4 %).
Fil-każ ta’ adolexxenti ta’ 11, 13 u 15-il sena, fil-perjodu mill-2014 sal-2018 kien hemm żieda fit-tliet indikaturi kollha. Ir-rata ta’ prevalenza ta’ qabel l-obeżità żdiedet minn 20 għal 22.4%, filwaqt li r-rata tal-obeżità żdiedet minn 7.3 għal 8.9% u dik tal-piż żejjed minn 27.3 għal 31.2%.
Żieda simili kienet rappurtata fl-adulti ta’ 15-il sena ’l fuq għall-perjodu 2014 sal-2019. Ir-rati ta’ prevalenza ta’ qabel l-obeżità, l-obeżità u l-piż żejjed fl-2019 kienu 35.7, 28.1 u 63.8%, rispettivament – ogħla minn dawk tal-2014, li kienu 34.4, 25.2 u 59.6%, rispettivament.
Waħda biss mill-erba’ miri li saru fl-2012, dik relatata mal-adolexxenti, intlaħqet. F’dan il-każ ir-rata ta’ prevalenza tal-obeżità fost l-adolexxenti effettivament naqset bin-nofs fil-perjodu 2006 sal-2018, u qabeż bil-bosta l-mira stabbilita. Madankollu, meta wieħed iqis l-indikatur tal-piż żejjed, għall-adolexxenti, toħroġ stampa aktar negattiva. Il-perċentwal ta’ subien u bniet adolexxenti klassifikati li għandhom piż żejjed tela’ minn 31% fl-2006 (iż-żewġ sessi) għal 38 u 35% fl-2018, rispettivament.
Fir-rigward tal-mira tal-obeżità tal-adulti u l-mira tal-piż żejjed tat-tfal, mhux biss it-tnaqqis previst (minn 22 għal 18% għall-obeżità tal-adulti u 32 sa 27% għall-piż żejjed tat-tfal) ma ntlaħaqx, iżda l-prevalenza żdiedet sostanzjalment meta mqabbla mar-rati. L-obeżità fl-adulti żdiedet b’madwar sitt punti perċentwali u b’hekk fl-2019 28.1% tal-popolazzjoni minn 15-il sena ’l fuq huma ħoxnin. Ir-rata tal-piż żejjed tat-tfal żdiedet għal 33% fl-2019 u 35.4 % fl-2022 (riżultati preliminari) .
Nuqqas ta’ fondi u liġijiet dgħajfa
Matul l-investigazzjoni, ħareġ l-finanzjament mill-Istat għal inizjattivi biex tiġi miġġielda l-obeżità huma limitati filwaqt li hemm nuqqas ta’ nies kwalifikati f’dan il-qasam. Barra minn hekk kien hemm kritika għall-fatt li l-mediċina f’każijiet ta’ obeżita kumplessi ma tingħatax b’xejn. Tħassib ieħor kien il-fatt li ma qed isir l-ebda studju fuq dawk li jkunu tilfu l-piż żejjed biex jibqgħu taħt osservazzjoni għal ċertu żmien. Minn perspettiva legali, kien hemm kritika li l-bidliet leġiżlattivi implimentati fl-aħħar snin ma waslux sa fejn kien maħsub oriġinarjament u għalhekk l-effettività tagħhom fil-ġlieda kontra l-obeżità kienet pjuttost limitata.