F’sitt xhur biss ġew f’Malta aktar minn 7,000 ħaddiem minn barra l-UE
Aktar minn 7,000 ħaddiem minn pajjiżi barra l-UE daħlu fis-suq tax-xogħol Malti fl-ewwel nofs tas-sena li għaddiet li jfisser żieda ta’ 40 ħaddiem barrani kuljum l-aktar fil-kostruzzjoni, l-akkomodazzjoni, il-catering u servizzi amministrattivi.
Statistika mqegħda fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo turi li sa Ġunju tas-sena l-oħra n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) li jaħdmu f’Malta kien laħaq il-50,591.
Skont l-aġenzija tal-impjiegi tal-Istat, il-Jobsplus, kien hemm żieda kostanti fis-setturi ekonomiċi kollha fil-perjodu bejn Diċembru 2020 u Ġunju 2022, li ħabat mal-bidu gradwali tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 sa ma dawn tneħħew kompletament. Jirriżulta li n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) f’impjieg full-time jew part-time biss żdied minn 38,610 f’Diċembru 2020 għal 43,525 f’Diċembru 2021. Madankollu, l-irkupru ekonomiku wara t-tneħħija gradwali restrizzjonijiet tal-pandemija speċjalment f’setturi bħall-industrija tal-catering, l-akkomodazzjoni u t-turiżmu aċċelleraw l-influss ta’ ħaddiema barranin mhux mill-UE. Dan huwa rifless fil-fatt li bejn Diċembru 2021 u Ġunju 2022 in-numru ta’ TCNs żdied b’7,066 li huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju tar-rata rispettiva tas-sena ta’ qabel.
Sector | Dec 2020 | Dec 2021 | Jun 2022 |
Agriculture, Forestry & Fishing | 246 | 307 | 317 |
Mining & Quarrying | 52 | 58 | 56 |
Manufacturing | 3,107 | 3,653 | 4,144 |
Electricity, Gas, Steam & Air Conditioning Supply | 14 | 20 | 21 |
Water Supply Sewerage, Waste Management & Remediation Activities | 285 | 277 | 326 |
Construction | 5,073 | 6,114 | 7,144 |
Wholesale & Retail Repair of Motor Vehicles & Motorcycles | 3,196 | 3,685 | 4,499 |
Transportation & Storage | 1,650 | 2,054 | 2,728 |
Accommodation & Food Service Activities | 4,918 | 5,958 | 7,267 |
Information & Communication | 946 | 1,239 | 1,410 |
Financial & Insurance Activities | 1,185 | 1,216 | 1,335 |
Real Estate Activities | 270 | 303 | 359 |
Professional, Scientific & Technical Activities | 2,991 | 3,281 | 3,740 |
Administrative & Support Service Activities | 6,634 | 6,395 | 7,681 |
Public Administration & Defence Compulsory Social Security | 514 | 570 | 524 |
Education | 727 | 787 | 869 |
Human Health & Social Work Activities | 3,949 | 4,401 | 4,652 |
Arts, Entertainment & Recreation | 1,730 | 1,969 | 2,122 |
Other Service Activities | 736 | 804 | 933 |
Activities Of Households as Employers, Undifferentiated Goods & Services – producing Activities of Households for own use | 348 | 389 | 417 |
Activities of Extraterritorial Organisations & Bodies | 39 | 45 | 47 |
Total | 38,610 | 43,525 | 50,591 |
Analiżi aktar profonda tal-istatistika turi li l-ogħla numru ta’ TCNs huma impjegati fl-attivitajiet amministrattivi u ta’ servizzi ta’ appoġġ fejn sa Ġunju 2022 in-numru tagħhom laħaq 7,681. Dan il-grupp jinkludi l-provvista ta’ firxa ta’ servizzi amministrattivi, bħall-ippjanar finanzjarju, kontijiet, żamma ta’ rekords, distribuzzjoni fiżika u loġistika għal servizzi oħra fuq bażi ta’ kuntratt jew ħlas.
L-industrija tal-akkomodazzjoni ikklassifikat fit-tieni post b’7,267 f’Ġunju 2022 li kienet żieda sinifikanti meta mqabbel ma’ 18-il xahar qabel meta ċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 4,918. Xejra bħal din tikkonferma l-bidla mgħaġġla fl-industrija tat-turiżmu li saret dominata mill-ħaddiema barranin, speċjalment fil-gradi l-aktar baxxi u elementari.
L-industrija tal-kostruzzjoni ikklassifikat fit-tielet post b’7,144 TCN li kienet żieda ta’ 2,071 meta mqabbla ma’ Diċembru 2020.
L-inqas numru ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi jinsabu fis-settur tal-provvista tal-elettriku, tal-gass, u tal-arja kundizzjonata bl-istatistika uffiċjali tgħid li hemm biss 21 ħaddiem mhux mill-UE.
Intant, statistika mqegħda fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo uriet li ħafna minn dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi għandhom ħlas baxx. Fil-fatt ’il fuq minn 70% jitħallsu inqas minn €20,000 fis-sena li huwa inqas mis-salarju medju f’Malta. Barra minn hekk, 28.3% minnhom jaqilgħu inqas minn €10,000 li prattikament huwa fil-livell tal-paga minima. Din is-sitwazzjoni qanqlet kritika li d-dipendenza fuq ħaddiema barranin bi ħlas baxx qed tippromwovi cheap labour u taffettwa b’mod negattiv is-salarji fil-bqija tas-setturi rispettivi, hekk kif il-ħaddiema Maltin qed mhux qed jibqgħu kompetittivi mal-barranin.