Fl-2021 kienu solvuti inqas minn waħda minn kull ħames serqiet
Inqas minn waħda minn kull ħames serq irrappurtati s-sena l-oħra lill-pulizija ġew solvuti, bl-akbar numru ta’ dawn ir-reati jseħħu f’San Ġiljan. Jirriżulta li fl-2021 in-numru totali ta’ serqiet irrappurtati fil-Gżejjer Maltin kien jammonta għal 4,478 li minnhom 813 ġew solvuti.
Din l-istatistika ġiet żvelata fil-parlament mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio. Skont il-ministru l-investigazzjonijiet fil-każijiet l-oħra għadhom għaddejjin filwaqt li ċ-ċifra ta’ każijiet solvuti kienet aġġornata sal-20 ta’ Ġunju.
Analiżi aktar profonda tal-istatistika tikkonferma li l-biċċa l-kbira tas-serqiet iseħħu fl-ewwel tas-sajf fiz-zoni turistiċi. Bħala medja ġew irrappurtati madwar 500 serqa kemm f’Lulju kif ukoll f’Awwissu.
Kif mistenni, San Ġiljan li jinkludi Paceville u l-Bajja ta’ San Ġorġ hu fuq quddiem tal-lista b’470 serqa li huma bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal waħda minn kull 10 serqiet irrappurtati matul is-sena. Lulju u Awwissu huma l-iktar xhur fejn dan iseħħ b’aktar minn 100 serqa irrappurtati fix-xahar f’San Ġiljan biss.
San Pawl il-Baħar jinsab fit-tieni post bi 382 każ, bid-differenza ewlenija tkun li r-rapporti kienu inqas ikkonċentrati fis-sajf iżda mifruxa matul is-sena. Ħal Qormi (227), Tas-Sliema (216) u l-Ħamrun (189) kienu fost il-lokalitajiet bl-akbar numru ta’ serqiet.
L-istatistika tenfasizza wkoll ir-rata baxxa ta’ kriminalità f’Għawdex fejn l-aktar serqiet ġew irrappurtati fir-Rabat b’36 każ biss f’sena sħiħa. Dan kien segwit miż-Żebbuġ (li jinkludi Marsalforn) bi 32 u Għajnsielem b’31. Il-Fontana irreġistrat l-inqas numru ta’ serq fit-68 lokalità tal-Gżira Maltija b’rapport wieħed biss li sar f’Awwissu tal-2021.
Ir-rata baxxa ta’ suċċess fl-investigazzjonijiet tas-serq tidher li hija problema anke f’pajjiżi barranin. Fl-2017 il-BBC irrapporta li aktar minn żewġ terzi tas-serq qatt ma ġew solvuti. Din il-konklużjoni kienet ħarġet minn analiżi ta’ 18-il miljun reat madwar 43 fergħa tal-pulizija fl-Ingilterra u Wales. Waħda mir-raġunijiet imsemmija għal din ir-rata baxxa ta’ suċċess kienet li l-pulizija kellha riżorsi limitati. Ħafna mill-każijiet kienu jinvolvu serq ta’ roti (bicycles). Dettalji bħal dawn ma ngħatawx fl-istatistika tal-Gżejjer Maltin għall-2021.
Iktar riċenti, f’Awwissu ta’ din is-sena l-BBC irrapporta li ma kinitx qed issir ġustizzja mal-biċċa l-kbira tal-vittmi ta’ serq, fl-Ingilterra u Wales minħabba numru baxx ta’ suspettati li tressqu l-Qorti. Fost l-oħrajn spikka l-każ ta’ raġel li nsterqitlu l-karozza mid-dar, iżda li kellu filmat ta’ dak kollu li ġara. Minkejja li ppreżenta din l-evidenza lill-pulizija inqas minn 24 siegħa wara kien infurmat li l-każ kien ingħalaq minħabba nuqqas ta’ provi.