Ix-xogħol tat-trade unions huwa stmat biżżejjed?
Minn Nicole Farrugia
It-trade unions imorru lura sewwasew għas-seklu dsatax, bl-ewwel union f’Malta stabbilita fl-1884 għall-ħaddiema tad-dockyard, imsemmija ‘fitters union’, fi żmien l-Ingliżi. Din kienet imbuttata mill-influwenza tal-‘British Trade Union movement’ u l-‘Industrial Relations model’ li bdiet tinfirex f’pajjiżi oħra. Dan kollu witta t-triq għall-pedament sod fid-drittijiet tal-ħaddiema.
Skont stħarriġ li sar fl-2018 minn Manwel Debono (lettur fl-Università ta’ Malta), kważi sittin fil-mija tal-ħaddiema f’Malta huma parti minn union. Minkejja li din iċ-ċifra tixhed il-qawwa tat-trade unions f’Malta, kelli x-xewqa li minn jheddi nkabbar l-għarfien tiegħi, bis-saħħa ta’ proġett obbligatorju f’ċertu skejjel post-sekondarji. Irnexxieli nitgħallem fuq l-impatt li jagħmlu fuq il-ħaddiema u l-postijiet tax-xogħol, u l-konsegwenzi fuq is-soċjetà kieku ma kinux jeżistu.
Bħala studenta mingħajr tant esperjenza fid-dinja tax-xogħol, il-ftit ġranet li qattajt mal-UHM kienu informattivi immens. Ma konxt konxja fuq l-importanza tat-trade unions, sakemm kelli l-opportunità li nkun involuta f’diversi laqgħat mal-ħaddiema-membri tal-UHM stess. L-uffiċjali tal-UHM wrew dedikazzjoni kbira lejn ix-xogħol, u kienet evidenti li l-membri kienu qiegħdin jirċievu l-isforz xieraq biex ikunu megħjuna, b’etika tax-xogħol professjonali.
M’hemmx dubju li minkejja t-titjib fis-soċjetà rigward diskriminazzjoni u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, hemm bosta ħaddiema li b’xi mod jew ieħor ġew diskriminati. Jekk tikkunsidra li persuna tqatta’ madwar kwart ta’ ħajjitha taħdem, tinduna kemm hu kruċjali li wieħed ikun stmat b’mod ugwali fejn jaħdem. Jiddependi mill-gravità tas-sitwazzjoni, persuna li jkollha kontinwament tbati minħabba l-inugwaljanza jew tip ta’ ambjent ieħor mhux xieraq, għandha ċans kbir li tispiċċa mingħajr xogħol, promozzjonijiet li tkun tistħoqq anki jekk għandha l-kwalifiki li l-pożizzjoni tirrikjedi, b’kundizzjonijiet li jmorru lil hinn milli titlob il-liġi u saħansitra bis-saħħa u sigurtà ma jiġux salvagwardjati. F’ċertu sitwazzjonijiet partikolari ħaddiema jispiċċaw ibatu minn mard mentali minħabba l-pressjoni tax-xogħol li jkunu qiegħdin iġorru ta’ kuljum. Sfortunatament, dawn jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta’ delinkwenza bħal espressjoni ta’ rabja vjolenti fuq qraba jew vendikazzjoni fuq il-ħaddiema, bħal ma jixhdu ċertu każijiet f’Malta.
Għalhekk nista’ ngħid li wara li osservajt bosta sitwazzjonijiet waqt laqgħat mal-ħaddiema, trade unions bħal UHM huma neċessarji. Kien hemm diversi każijiet fejn il-ħaddiema ma kinux qiegħdin jiġu mismugħa jew jaħdmu f’ambjent li xtaqu. Madankollu, f’Malta matul is-snin saru diversi miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol fosthom il-liġijiet dwar id-drittijiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u tipi oħra ta’ diskriminazzjoni (inklużi fit-trattat ta’ Amsterdam), li kienu ingħaqdu b’leġiżlazzjoni ġdida fl-2000.
Filwaqt li r-rwol primarju tat-trade unions huwa li jirrappreżentaw lill-membri tagħhom fi kwistjonijiet ta’ impjieg u anki fi ftehimiet kollettivi, għandhom sehem ferm akbar x’jaqdu fis-soċjetà. Huma joffru opportunitajiet edukattivi, ta’ tagħlim tul il-ħajja u ta’ taħriġ lill-membri tagħhom, li ħafna minnhom ma kienx ikollhom dan iċ-ċans li kieku ma kienx għall-union tagħhom. Unions bħal UĦM iservu bħala post aktar aċċessibbli għall-għajnuna għal dawk li esperjenzaw ksur ta’ liġi, jew jixtiequ xi bidliet fil-post tax-xogħol. Fl-istess ħin, il-membri jkollhom aċċess aktar faċli għall-pariri legali marbutin mal-impjieg u għajnuna xierqa fi kwalunkwe sitwazzjoni li jkunu fiha.
Li kieku f’Malta ma kienx hawn trade unions il-maġġoranza tal-ħaddiema kienu jispiċċaw bla leħen, b’riskju ikbar li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol inaċċettabbli u mingħajr għarfien profond dwar id-drittijiet tagħhom.
(Dan l-artiklu nkiteb minn Nicole Farrugia bħala parti mill-proġett post-sekondarju tagħha li jiffoka fuq ir-rwol tal-unions f’Malta li kien jinvolvi shadowing ta’ diversi uffiċjali tal-UHM)