Il-Parlament Ewropew approva l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġodda, wara li ntlaħaq qbil mal-Kunsill fit-23 ta’ April u l-24 ta’ Marzu, rispettivament. Iż-żewġ abbozzi għandhom l-għan li jindirizzaw l-effetti ekonomiċi u fis-soċjetà tal-industrija teknoloġika billi jistabbilixxu standards ċari għal kif joperaw u kif inhuma pprovduti s-servizzi fl-UE, f’konformità mad-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE.

Dak li hu illegali offline għandu jkun illegali online

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali jistabbilixxi obbligi ċari għall-fornituri ta’ servizzi diġitali, bħall-media soċjali jew is-swieq online, kontra t-tixrid ta’ kontenut illegali, id-diżinformazzjoni online u riskji oħra għas-soċjetà. Dawn ir-rekwiżiti huma proporzjonati mal-qies u r-riskji li għandhom il-pjattaformi għas-soċjetà.


L-obbligi l-ġodda jinkludu:

  • Miżuri ġodda kontra l-kontenut illegali online u obbligi biex il-pjattaformi jirreaġixxu malajr, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-data;
  • Traċċabbiltà u verifiki aktar b’saħħithom fuq il-bejjiegħa fi swieq online sabiex ikun żgurat li l-prodotti u s-servizzi huma sikuri; inkluż sforzi biex jitwettqu verifiki għal għarrieda dwar jekk kontenut illegali jitfaċċax mill-ġdid;
  • Trasparenza u kontabbiltà aħjar tal-pjattaformi, pereżempju billi tkun provduta informazzjoni ċara dwar il-moderazzjoni ta’ kontenut jew l-użu ta’ algoritmi għar-rakkomandazzjoni ta’ kontenut (l-hekk imsejħa sistemi ta’ rakkomandazzjoni); l-utenti se jkunu jistgħu jisfidaw id-deċiżjonijiet tal-moderazzjoni tal-kontenut;
  • Projbizzjonijiet fuq prattiki qarrieqa u ċerti tipi ta’ riklamar immirat, bħal dak immirat għat-tfal u riklami bbażati fuq data sensittiva. L-hekk imsejħa “elementi qarrieqa” u prattiki qarrieqa bil-għan li jimmanipulaw l-għażliet tal-utenti se jkunu pprojbiti wkoll.


Pjattaformi online u magni tat-tiftix kbar ħafna (b’45 miljun utent kull xahar jew aktar), li jippreżentaw l-ogħla riskju, se jkollhom jikkonformaw ma’ obbligi aktar stretti, infurzati mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu l-prevenzjoni ta’ riskji sistemiċi (bħat-tixrid ta’ kontenut illegali, effetti negattivi fuq id-drittijiet fundamentali, fuq il-proċessi elettorali u fuq il-vjolenza abbażi ta’ sess u s-saħħa mentali) u huma soġġetti għal awditjar indipendenti. Dawn il-pjattaformi se jkollhom jagħtu wkoll l-għażla lill-utenti tagħhom li ma jirċivux rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq il-profil tagħhom. Se jkollhom ukoll jiffaċilitaw l-aċċess għad-data u l-algoritmi tagħhom għall-awtoritajiet u r-riċerkaturi verifikati.


X’għandhom u x’m’għandhomx jagħmlu l-gwardjani

L-Att dwar is-Swieq Diġitali jistabbilixxi obbligi għal pjattaformi online kbar li jaġixxu bħala “gwardjani” (pjattaformi li l-pożizzjoni dominanti tagħhom online tagħmilha diffiċli li l-konsumaturi jevitawhom) fis-suq diġitali sabiex jiżguraw ambjent tan-negozju aktar ġust u aktar servizzi għall-konsumaturi.

Għall-prevenzjoni ta’ prattiki tan-negozju inġusti, il-gwardjani magħżula:

  • iħallu lil partijiet terzi jaħdmu bis-servizzi tagħhom stess, li jfisser li pjattaformi iżgħar ikunu jistgħu jitolbu li pjattaformi dominanti tal-messaġġi jippermettu lill-utenti tagħhom jaqsmu l-messaġġi, jibagħtu messaġġi bil-vuċi jew files minn app tal-messaġġi għal oħra. Dan jagħti lill-utenti għażla aħjar u jevita l-hekk imsejjaħ effett “ta’ dipendenza” meta dawn ikunu ristretti għal app jew pjattaforma waħda;
  • jippermetti lill-utenti kummerċjali jaċċessaw id-data li jiġġeneraw fil-pjattaforma tal-gwardjani, biex jippromwovu l-offerti tagħhom stess u jikkonkludu kuntratti mal-klijenti tagħhom barra mill-pjattaforma tal-gwardjani.

Il-gwardjani issa ma jistgħux:

  • Jikklassifikaw is-servizzi jew il-prodotti tagħhom b’mod aktar favorevoli  minn partijiet terzi oħra fuq il-pjattaformi tagħhom;
  • Jipprevjenu lill-utenti milli jħassru faċilment kwalunkwe software jew app li jkunu diġà installati, jew milli jużaw applikazzjonijiet ta’ parti terza jew app stores;
  • Jipproċessaw id-data personali tal-utenti għar-riklamar immirat, sakemm ma jingħatax il-kunsens b’mod espliċitu.

Sanzjonijiet

Sabiex ikun żgurat li r-regoli l-ġodda tal-Att dwar is-Swieq Diġitali jiġu implimentati kif xieraq u li huma konformi mas-settur diġitali dinamiku, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjonijiet tas-suq. Jekk gwardjan ma jikkonformax mar-regoli, il-Kummissjoni tista’ timponi multi sa 10% tal-fatturat totali dinji tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti, jew sa 20% f’każ li ma tkunx l-ewwel darba li ma jkunx qed jikkonforma.


Il-passi li jmiss

Ladarba jkunu adottati formalment mill-Kunsill f’Settembru, iż-żewġ atti se jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħlu fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jkun applikabbli direttament madwar l-UE u se japplika ħmistax-il xahar jew mill-1 ta’ Jannar 2024 (liema jiġi wara) wara d-dħul fis-seħħ. Fir-rigward tal-obbligi għal pjattaformi online u magni tat-tiftix kbar ħafna, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali se japplika qabel – erba’ xhur wara li jibdew jitqiesu hekk mill-Kummissjoni.

L-Att dwar is-Swieq Diġitali se jibda japplika sitt xhur wara li jidħol fis-seħħ. Il-gwardjani se jkollhom massimu ta’ sitt xhur wara li jiġu magħżula biex jikkonformaw mal-obbligi l-ġodda.