Att dwar is-Servizzi Diġitali: internet aktar sikur għaċ-ċittadini Ewropej
Il-proposta tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE online, billi ssaħħaħ, timmodernizza u tiċċara r-regoli għas-servizzi diġitali biex tiżgura s-sikurezza u tippermetti li jikbru n-negozji diġitali innovattivi.
L-Att isegwi l-prinċipju li dak li jitqies bħala illegali offline għandu jkun illegali wkoll online. Għalhekk, jistabbilixxi standard ġdid bla preċedent għar-responsabbiltà tal-pjattaformi online rigward kontenut illegali u dannuż. Se jipprovdi wkoll protezzjoni aħjar min juża l-internet u d-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll jiddefinixxi sett wieħed ta’ regoli fis-suq intern.
Issa nkiseb pass importanti bil-qbil politiku provviżorju dwar il-proposta tal-Att bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-ftehim politiku issa huwa soġġett għal approvazzjoni tagħhom.
Ladarba jkun adottat, l-intermedjarji online kollha li joffru s-servizzi tagħhom fis-suq uniku, kemm jekk ikunu stabbiliti fl-UE jew barra, se jkollhom jikkonformaw mar-regoli l-ġodda u jiżguraw li fis-snin li ġejjin fl-UE jkun hemm ambjent online bla periklu, miftuħ u ġust.