400 ħaddiem tal-FSWS b’€10 miljun f’bolol mhux imħallsa
Madwar 400 impjegat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li kienu jaħdmu ma’ din l-entità tal-Istat bejn l-2000 u l-2007 meta kienet immexxija minn Joseph Gerada, kellhom il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom (il-bolla) mhux imħallsa. Jirriżulta li minkejja li l-ammont kien tnaqqas mis-salarju tagħhom ma sarx il-ħlas lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Minn investigazzjoni preliminari dwar dan il-ksur tal-liġi tax-xogħol, l-ammont globali involut ta’ bolol mhux imħallsa hu qrib l-€10 miljun. Impjegati li jkollhom bolol nieqsa jistgħu jispiċċaw b’pensjoni aktar baxxa u jistgħu saħansitra jitilfu l-ħlas tal-benefiċċju tal-mard.
Il-każ sar magħruf meta impjegati tal-FSWS li laħqu l-età tal-irtirar staqsew dwar il-pensjoni tagħhom, u ngħataw l-aħbar li l-pensjoni kienet se tkun inqas minn dik li suppost kienu jikkwalifikaw għaliha.
Dan il-portal jista’ jikkonferma li l-kwistjoni inġiebet għall-attenzjoni tal-UĦM Voice of the Workers li mill-ewwel qajjmet il-każ mal-Fondazzjoni.
Il-Ministeru jgħid li l-pensjonijiet tal-impjegati mhux se jiġu affettwati
Fi tweġiba qasira lil Voice of the Workers Weekly, il-Ministeru tal-Politika Soċjali li huwa politikament responsabbli għal din il-Fondazzjoni ikkonferma li nbdiet investigazzjoni interna. Kelliema għall-Ministeru qalet li kienu se jittieħdu passi ulterjuri biss meta tintemm l-istess investigazzjoni. Il-Ministeru ma weġibx meta mistoqsi jekk il-pożizzjoni ta’ Joseph Gerada, l-eks Kap Eżekuttiv tal-FSWS u li sal-lum għadu Chairman tal-istess Fondazzjoni kif ukoll konsulent għall-istess Ministeru, għadhiex tenibbli.
Barra minn hekk, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għaliex il-kwistjoni tħalliet taħt it-tapit għal kważi 20 sena. Madankollu, il-Ministeru insista li l-impjegati ma kienux se jiġu milquta minħabba li “qed isiru l-adjustments meħtieġa” mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex titranġa s-sitwazzjoni.
Sadanittant, dan il-portal talab spjegazzjoni mingħand Gerada nnifsu u jekk hu kienx qajjem il-kwistjoni mal-Ministeru biex ma jħallix il-problema tispiċċa f’ħoġor l-impjegati. Madankollu, sal-ħin li nkitbet l-istorja ma waslet l-ebda tweġiba.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv preżenti tal-FSWS Alfred Grixti tenna l-assigurazzjoni tal-Ministeru li ħadd mill-impjegati involuti ma kien se jitlef parti mill-pensjoni. “Kemm jien u s-Senior Management Team tal-Fondazzjoni u kemm il-Ministeru ninsabu impenjati biex din il-kwistjoni tiġi riżolta fl-iqsar żmien possibbli bl-assigurazzjoni li ħadd mill-impjegati involuti ma jbati minn ebda telf mid-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u benefiċċji soċjali oħra.”
Grixti irrefera wkoll għall-korrispondenza li waslet mingħand is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Politika Soċjali, li fiha ngħata struzzjonijiet biex jiddiskuti l-kwistjoni mad-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali Grazio Barbara biex tinstab soluzzjoni.
€9.6 miljun f’bolol mhux imħallsa hi ‘stima konservattiva’
Mistoqsi dwar l-investigazzjoni s’issa, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS innota li kien diffiċli li jiġi stabbilit in-numru eżatt ta’ impjegati involuti peress li r-rekords tal-pagi qabel l-2008 ma kienux instabu għax kienu jinħadmu minn entità privata u mhux mill-Fondazzjoni.
Jirriżulta wkoll li oriġinarjament kien hemm 398 impjegat li kellhom il-bolol nieqsa u kienu 20 biss li kellhom kollox kif suppost. Matul is-snin, 168 irregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom għax meta kienu laħqu l-età tal-irtirar jew meta applikaw għall-benefiċċju tal-mard kienu ġew imwissija dwar is-sitwazzjoni. Madankollu, kienu biss dawk li kienu żammew il-payslips li kienu jmorru lura għal dawk is-snin, li setgħu jindirizzaw is-sitwazzjoni. Il-bqija tal-impjegati affettwati li jammontaw għal 210, għadhom bil-problema ma’ wiċċhom għax jidhru li għandhom bolol nieqsa minkejja li dan l-ammont kien tnaqqas mis-salarju.
Grixti qal li skont “stima konservattiva” il-valur globali ta’ dawn bolol mhux imħallsa kien ta’ €9.6 miljun.
Mistoqsi jekk kienitx se tinfetaħ investigazzjoni separata biex jinstab min kien responsabbli għal dan in-nuqqas kbir fil-governanza, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS irrifjuta li jieħu pożizzjoni u qal li din kienet deċiżjoni li ma setax jieħu waħdu.