Ħaddiema fuq paga minima fil-Lussemburgu jaqilgħu €2,202 fix-xahar li huwa kważi tliet darbiet iktar minn dawk f’Malta li jaqilgħu €785. Għalkemm Malta għadha f’nofs il-klassifika tal-paga minima fl-UE, hemm ir-riskji li tinżel ‘l isfel peress li fl-aħħar snin pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant naqqsu d-distakk b’mod konsiderevoli.

Din ix-xejra ħarġet mir-rapport annwali pubblikat mill-Eurofound li jagħti ħarsa lejn il-qagħda tal-paga minima f’dawk il-pajjiżi fl-UE fejn din hi stabbilita bil-liġi. Skond dan ir-rapport fl-istati membri kollha minbarra erbgħa kien hemm żieda bejn l-1 ta’Jannar, 2020 u l-1 ta’ Jannar, 2021. Jirriżulta li l-ogħla żieda kienet irreġistrata f’ħames pajjiżi ċentrali u tal-Lvant – il-Latvja, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Bulgarija u l-Litwanja – fejn il-paga minima żdiedet b’aktar minn 5%.

Malta fejn iż-żieda kienet waħda modesta ta’ 1% tinsab fit-tieni grupp ta’ pajjiżi li kellhom żieda bejn 0.5% u 5%. Fil-Belġju, Spanja, il-Greċja u l-Estonja l-pagi minimi baqgħu iffriżati.

Kif inhuma l-affarijiet Malta tikklassifika fl-10 post fil-lista quddiem il-Portugall, bil-Lussemburgu fuq quddiem nett u l-Bulgarija f’qiegħ il-klassifika fejn il-paga minima hi ta’ €332 fil-ġimgħa. Madankollu, huwa ta’ tħassib li f’Malta l-paga minima qed tiżdied b’rata ferm aktar baxxa mill-pajjiżi l-oħra tal-UE. Skont il-Eurofound Malta tispikka bħala wieħed mis-sitt pajjiżi fejn iż-żieda fl-aħħar għaxar snin kienet taħt il-medja tal-UE. Madankollu, filwaqt li fil-ħames pajjiżi l-oħra f’dan il-grupp – il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Lussemburgu – din iż-żieda modesta tista’ tkun ġustifikata billi l-paga minima tagħhom diġà laħqet livell ħafna ogħla minn Malta. Fil-fatt f’dawn il-ħames pajjiżi dawk li jaqilgħu paga minima jitħallsu aktar mid-doppju ta’ dawk f’Malta.

Għalkemm fl-2017 kien ġie ffirmat ftehim fost l-imsieħba soċjali f’Malta bl-għan li tiżdied il-paga minima, l-impjegat jibbenefika biss miż-żieda wara l-ewwel sena. Għalhekk, l-unika reviżjoni ’l fuq fil-paga minima hija permezz tal-mekkaniżmu taż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dan il-mekkaniżmu li ilu madwar 30 sena huwa bbażat fuq formula kumplessa li tikkalkula ż-żieda fuq l-inflazzjoni reġistrata fis-sena preċedenti. Għalkemm hemm kunsens li dan il-metodu kien suċċess, qed tiżdied il-kritika li l-mekkaniżmu jeħtieġ li jiġi rivedut biex jirrifletti l-ħtiġijiet moderni. Barra minn hekk, kien hemm ukoll sejħiet biex ikun hemm mekkaniżmu differenti għall-pensjonanti għax in-nefqa tagħhom hija primarjament fuq l-ikel u l-mediċini.

Fil-proposti tal-Baġit għall-2021 il-UĦM Voice of the Workers talbet għall-implimentazzjoni tat-tieni parti tal-ftehim tal-2017 li jipprovdi għat-twaqqif ta’ Kummissjoni għall-Paga Baxxa.

Din il-kummissjoni għandha l-mandat li tistabbilixxi mekkaniżmu biex tiddetermina jekk il-paga minima tkunx teħtieġ reviżjoni. Mingħajr ma jeskludi kwalunkwe mekkaniżmu ieħor li jista’ jiġi propost, dan il-mekkaniżmu jista’ jqis ix-xejriet fil-livell tal-prezzijiet u ż-żidiet fil-ftehim kollettivi għall-impjegati fi gradi ta’ livell baxx. Il-Kummissjoni dwar il-Paga Baxxa tirrapporta direttament lill-Prim Ministru u tinkludi rappreżentanti mill-unions, min iħaddem u l-gvern.

Il-Kummissjoni għandha taċċerta li kwalunkwe bidla fil-paga minima għandha tkun affordabbli għal setturi vulnerabbli u li ma theddidx il-produttività. Għandha tikkunsidra wkoll kwalunkwe miżura ekonomika u/jew leġislattiva li jista’ jkollha impatt fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-kummissjoni hi marbuta li tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lill-Gvern kull erba’ snin bl-ewwel darba tkun fl-2023.