Proċedura rapida tal-Parlament biex jiġi adottat Ċertifikat Diġitali Aħdar sa Ġunju
Il-Parlament Ewropew ivvota favur mozzjoni biex jitħaffef il-proċess tal-introduzzjoni taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar – li jippermetti moviment sikur u liberu matul il-pandemija – bl-iskop li dan jidħol fis-seħħ sas-sajf.
B’468 vot favur, 203 kontra u 16-il astensjoni, il-MPE appoġġaw l-użu tal-proċedura ta’ urġenza (l-Artikolu 163), li tippermetti skrutinju parlamentari aktar rapidu tal-proposti tal-Kummissjoni, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prerogattivi demokratiċi tagħha.Matul id-dibattitu fil-plenarja , maġġoranza kbira ta’ MPE appoġġaw il-ħolqien rapidu taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, dan jista’ jinkludi informazzjoni dwar jekk vjaġġatur tlaqqamx kontra l-COVID-19, riżultat ta’ test tal-COVID-19, u informazzjoni dwar l-irkupru minn infezzjoni tal-COVID-19. Diversi kelliema enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni ta’ informazzjoni personali u medika, u enfasizzaw li dawk li ma tlaqqmux m’għandhomx jiffaċċjaw diskriminazzjoni.
Il-passi li jmiss
Il-plenarja ser tadotta l-mandat tagħha għan-negozjati mal-Kunsill, li jista’ jinkludi emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, matul is-sessjoni plenarja li jmiss (26–29 ta’ April). L-eżitu tan-negozjati se jkollu jiġi approvat kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill.
Fis-17 ta’ Marzu, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament dwar Ċertifikat Diġitali Aħdar biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE — 2021/0068 (COD) u proposta li takkumpanjaha dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fl-UE (2021/0071 (COD).