Geo-blocking: ir-restrizzjonijiet li jifdal joħolqu barrieri artifiċjali, jgħidu l-MPE
Minkejja li r-regoli tal-UE biex iwaqqfu geo-blocking mhux ġustifikat (l-imblukkar ta’ servizzi offruti fuq l-internet għal min joqgħod f’ċertu pajjiżi) ilhom fis-seħħ għal aktar minn sentejn, ħafna problemi u restrizzjonijiet għadhom jippersistu.
F’dibattitu fil-plenarja, il-MPE għarfu l-effetti pożittivi tar-Regolament dwar il-Geo-Blocking fuq il-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi fl-UE, iżda enfasizzaw li l-ewwel evalwazzjoni turi b’mod ċar li r-regoli ma jmorrux ’il bogħod biżżejjed. Huma qalu li l-infurzar tar-regoli għadu lura u r-rekwiżiti tar-residenza tax-xerrej jew tal-post tal-ħlas għadhom iseħħu ta’ spiss fl-istadji tar-reġistrazzjoni u tal-ħlas.
Diversi MPE qajmu wkoll il-limitazzjonijiet tal-kunsinna minn pajjiż għall-ieħor, li tibqa’ għażla tal-bejjiegħ u b’hekk timblokka aktar minn nofs l-attentati tax-xiri fuq l-internet. Il-MPE qalu li dan hu ostaklu artifiċjali u segmentazzjoni tas-suq, li qed jagħmlu ħsara lis-Suq Uniku tal-UE.
Il-MPE enfasizzaw ukoll li d-domanda għal aċċess bejn pajjiż u ieħor għal servizzi awdjoviżivi qed tikber malajr, iżda dan huwa wieħed mill-oqsma ewlenin fejn qed ikompli l-geo-blocking. Filwaqt li l-MPE għarfu t-tħassib dwar id-drittijiet tal-awtur u t-territorjalità, isibu s-sitwazzjoni attwali inġusta minħabba t-tixrid u l-aċċess mhux ugwali għall-kontenut. Huma ħeġġew lill-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet biex tipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni fil-livell tal-UE, fl-isfond tal-fatt li t-tneħħija volontarja tal-ostakli mhux qed taħdem.