Il-pandemija tal-Covid-19 saħħet il-fehma taċ-ċittadini li l-Unjoni Ewropea hija l-post it-tajjeb biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet effettivi biex nindirizzaw l-effetti tagħha. Fl-aħħar tal-2020, kiber is-sentiment li l-affarijiet mixjin fit-triq it-tajba fil-livell tal-UE meta mqabbla ma’ pajjiżhom. Barra minn hekk, kważi tlieta minn kull erba’ li wieġbu (72%) u l-maġġoranza kbira tal-Maltin (91%) jemmnu li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE se jippermetti lill-ekonomija ta’ pajjiżhom tirpilja malajr mill-effetti negattivi tal- tal-coronavirus.

Stħarriġ ġdid ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew u mwettaq bejn Novembru u Diċembru 2020 minn Kantar sab żieda ta’ għaxar punti perċentwali fin-numru ta’ ċittadini li taw opinjoni pożittiva tal-UE (50%) meta mqabbla mal-Ħarifa tal-2019. Il-Maltin għandhom l-istess fehma tal-medja tal-UE. 66% qalu li  huma ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Il-Maltin huma t-tieni l-iktar ottimisti, wara l-Irlanda, b’79%, ċifra li turi żieda ta’ 10 punti perċentwali minn Ġunju tas-sena li għaddiet.

Tbassir negattiv fuq livell personali

Madankollu l-perspettiva individwali ġenerali fl-Ewropa tibqa’ pessimista fid-dawl tal-pandemija: 53% ta’ dawk li wieġbu jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżhom fi żmien sena se tkun agħar. B’mod ġenerali wieħed minn kull ħamsa (21%) jemmen li s-sitwazzjoni ekonomika nazzjonali għandha titjieb matul is-sena li ġejja. Il-Maltin huma fost iż-żewġ eċċezzjonijiet għal dan, bi 42% jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika se tkun aħjar, filwaqt li 46% tal-Ungeriżi jaħsbu li se jkunu l-istess.

Iktar minn nofs dawk li wieġbu (52%) jistennew li l-kundizzjonijiet ta’ għajxien individwali tagħhom fi żmien sena jkunu l-istess bħal-lum, filwaqt li 56% tal-Maltin jemmnu hekk. Kwart ta’ dawk li wieġbu (24%) jemmnu li se jkunu saħansitra agħar fi żmien sena, filwaqt li 21% jaħsbu li jkunu aħjar. F’Malta, 26% jemmnu li se jkunu aħjar, filwaqt li 11% jemmnu li se jkunu agħar.

Prijorità lill-ġlieda kontra l-faqar

Iċ-ċittadini qed jindikaw prijorità politika ewlenija ġdida għall-Parlament Ewropew: 48% ta’ dawk li wieġbu jridu l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali fuq nett tal-aġenda. Din hi l-ewwel prijorità fl-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Fillandja, iċ-Ċekja, id-Danimarka u l-Iżvezja, fejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tiġi l-ewwel. F’Malta wkoll, 50% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-prijorità hi l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali.

Għall-medja tal-UE, il-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità (35%), għall-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd (33%) kif ukoll biex jiġi protett l-ambjent tagħna (32%) huma l-prijoritajiet ta’ wara. Għal Malta, it-tieni u t-tielet prijoritajiet huma miżuri biex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità (41%), u miżuri biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità (37%) rispettivament, bl-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd fir-raba’ post b’31%.

Il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fuq quddiem

Bidla simili tidher ukoll fil-klassifikazzjoni miċ-ċittadini tal-valuri ewlenin li l-Parlament Ewropew għandu jiddefendi. Filwaqt li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha (51%) u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (42%) jibqgħu fuq nett, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri titla’ fit-tielet post b’41% ta’dawk li wieġbu jixtiequ li l-Parlament jiddefendi dan il-valur fuq l-oħrajn kollha, meta mqabbel ma’ 33% sena ilu. Malta ssegwi l-istess tendenza, bl-ogħla prijorità lid-drittijiet tal-bniedem b’44%, iżda bl-ugwaljanza bejn is-sessi u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri flimkien fit-tieni post b’41%.

Il-pandemija u sfidi globali oħra bħall-emerġenza tal-klima jsostnu t-talba taċ-ċittadini għal riforma fundamentali tal-UE. 63% ta’ dawk li wieġbu jridu li l-Parlament Ewropew ikollu rwol aktar importanti fil-futur, żieda ta’ ħames punti meta mqabbel mal-Ħarifa 2019. Filwaqt li 68% ta’ dawk li wieġbu f’Malta jiffavorixxu dan, din iċ-ċifra naqset b’żewġ punti perċentwali.

Filwaqt li l-opinjoni pożittiva dwar l-UE kienet qed tiżdied fl-aħħar tas-sena li għaddiet, hekk ukoll żdiedet is-sentiment għall-bidla: 27% biss jappoġġjaw lill-UE bil-mod kif kienet s’issa, filwaqt li 44% “pjuttost favur l-UE” iżda jridu li ssir riforma. Il-fehma ta’ 22% oħra dwar l-UE hi “pjuttost xettika imma jistgħu jerġgħu jibdlu l-opinjoni tagħhom fid-dawl ta’ riforma radikali”.

L-opinjonijiet f’Malta huma iktar fl-istess ilma, b’35% jappoġġjaw lill-UE kif inhi u 33% favur l-UE, iżda mhux bil-mod kif kienet s’issa. 22% huma xettiċi iżda jaslu li jibdlu l-opinjoni tagħhom f’każ ta’ riforma radikali. 6% biss huma kontra l-idea tal-UE b’mod ġenerali, u 4% “ma jafux”.