Is-saga tal-iżbalji fil-pagi fil-Wasteserv ma tistax tibqa’ sejra
Xahar wara l-ieħor impjegati tal-kuntrattur fil-Wasteserv qed isibu żbalji fil-pagi u xi drabi qed jirċievu l-ħlas tard b’riżultat li qed ikollhom il-problemi fuq self mal-banek. Dan qed iseħħ minkejja l-wegħda li dan in-nuqqas kien se jkun indirizzat darba għal dejjem minn Jannar 2020.
“Hekk kif joqrob tmiem ix-xahar u nirċievu l-paga jibda l-inkwiet tagħna minħabba l-biża li se jkun hemm xi żball b’riżultat li niġu fl-inkwiet mal-bank għax ma jkunx hemm flus biex jitħallas is-self,” sostna wieħed mill-impjegati affettwati meta mitlub jikkummenta minn Voice of the Workers Weekly.
Dawn l-iżbalji jvarjaw minn allowances jew benefiċċji oħra, vacation leave, sick leave, overtime u l-ħlas addizzjonali tal-Ħdud u l-festi pubbliċi.
“Xi minn daqqiet dan ikun ifisser tnaqqis ta’ mijiet ta’ ewro fil-paga. Il-kwistjoni ilha sejra s-snin u jidher li ħadd ma sab tarfha,” żied jgħid dan il-ħaddiem li ma xtaqx jidentifika ruħu.
L-aġenzija Wasteserv li tieħu ħsieb l-immaniġġjar tal-iskart tħaddem mijiet ta’ ħaddiema. Madankollu, ftit għexieren biss huma fuq il-kotba tagħha. Il-bqija, li jvarjaw minn impjegati b’ħiliet bażiċi sa dawk professjonali, jaħdmu mal-kuntrattur permezz ta’ kuntratt ta’ outsourcing. Dan qed iwassal għal nuqqas ta’ koordinament bejn iż-żewġ entitajiet u xi drabi anki għal konfużjoni.
Il-kwistjoni ilha tkarkar snin, tant li fl-aħħar ftehim kollettiv tal-2018 li kienet innegozjat il-UĦM Voice of the Workers li għandha l-għarfien uffiċjali, kienet saret klawsola speċifikament għal każijiet bħal dawn. Permezz ta’ dan il-ftehim, kien daħal l-obbligu li meta jkun hemm żbalji fil-pagi, dawn ikun indirizzati fi żmien tliet ġimgħat. B’hekk ikun evitat li l-ammont dovut jingħata f’paga oħra, għax dan kien qed joħloq konfużjoni u jagħmilha iktar diffiċli biex il-ħaddiema jivverifikaw li qed jieħdu dak li ħaqqhom.
F’Jannar li għadda meta daħal il-kuntrattur preżenti Ozo Services, dan kien wiegħed li se jindirizza l-problema. Kien twaqqaf grupp apposta u ttieħdu miżuri fosthom l-installazzjoni ta’ tagħmir għall-attendenza tal-ħaddiema fi sforzi biex titjieb l-organizzazzjoni fl-aspetti amministrattivi. Iżda kważi sena wara il-problema baqgħet hemm. Xhieda ta’ dan huma l-ilmenti li l-UĦM tirċievi kull tmiem ix-xahar mingħand il-membri tagħha.
“Sfortunatament, ġejna f’sitwazzjoni tal-ħmar iwaħħal f’denbu għax meta nilmentaw xi drabi jiġri li l-kuntrattur jirriferina għall-Wasteserv jew bil-kontra,” kien ilment komuni li għamlu l-ħaddiema li tkellmu magħna.
Minkejja li l-UĦM qed tagħti l-assistenza biex il-ħaddiema jieħdu dak li hu dovut fl-iqsar żmien possibbli fil-parametri tal-ftehim kollettiv u ma jbatux l-iżbalji ta’ ħaddieħor wasal iż-żmien li l-Wasteserv issolvi din il-problema darba għal dejjem.