Nieħdu ħsieb lill-anzjani matul dan il-perijodu diffiċli
Meta niġu biex nitkellmu dwar il-COVID-19, l-anzjani huma aktar vulnerabbli minn ħaddieħor għal din il-marda serja. Ir-riċerka wriet li adulti ta’ 60 sena u aktar, speċjalment dawk b’kundizzjonijiet mediċi diġà eżistenti, bħal il-mard fil-qalb, il-mard fil-pulmun, id-dijabete jew il-kanċer, x’aktarx li jkollhom infezzjoni iżjed serja mill-coronavirus, jekk ma tkunx qattiela.
Jekk qed nieħdu ħsieb xi anzjan għażiż tagħna, x’aktarx li ninkwetaw. Mod importanti kif innaqqsu r-riskju biex membri anzjani tagħna jimirdu bil-COVID-19 hu li nillimitaw iż-żjarat tagħna fid-djar tagħhom. Madankollu, dan qed ikun żmien iebes għalihom meta jieħdu gost iqattgħu l-ħin ma’ membri tal-familji tagħhom u mal-ħbieb.
Id-distanza fiżika ma tfissirx li wieħed jgħix fl-iżolament jew fis-solitudni. Irridu nżommu lill-anzjani ‘l bogħod mill-periklu, imma wkoll irridu nżommu f’moħħna li l-iżolament soċjali jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-immunità u s-saħħa mentali tal-anzjani. Huwa faċli li nħallu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet jidħlu fi żmien il-pandemija tal-COVID-19. Iż-żamma ta’ moral pożittiv hija ta’ appoġġ kbir li nistgħu nagħtu lill-anzjani tagħna.
Il-komunikazzjoni u l-kuntatt soċjali huwa ħafna importanti matul dan iż-żmien diffiċli. Madankollu, irridu nibqgħu nitgħallmu f’dak li seħħ fl-aħħar xhur, li l-aqwa prevenzjoni hi biex l-anzjani jiddistanzaw ruħhom soċjalment u jżommu ‘l bogħod mill-mard.
Imma l-anzjani jiddependu mill-kuntatt soċjali iżjed minn oħrajn u dan iriduh llum aktar minn qatt qabel. L-anzjani u l-pensjonanti spiss jeħtieġu l-għajnuna u wkoll iridu n-nies madwarhom.
Iċ-ċirkostanzi preżenti qed juru sitwazzjoni fejn iż-żgħażagħ u l-anzjani qed jiġu infettati bil-COVID-19. Iż-żgħażagħ u l-anzjani bil-coronavirus jimirdu u jeħtieġu li jiġu rikoverati fl-isptar. Allura hija marda li tolqot lil kulħadd. Madankollu, ħafna mill-adulti iżgħar fl-età li huma morda biżżejjed biex ikunu l-isptar x’aktarx li jirkupraw. Min-naħa l-oħra, pazjenti anzjani b’kumplikazzjonijiet ta’ saħħa u morda bil-COVID-19 qed jiġġieldu l-virus u xi wħud qed imutu minnu.
Mhix biss il-prerogattiva tal-anzjani li jiddistanzaw ruħhom minn ħaddieħor u jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji għas-saħħa. Hija wkoll ir-responsabbiltà ta’ gruppi ta’ etajiet oħrajn biex isegwu l-pariri u l-istruzzjonijiet provduti mill-awtoritajiet tas-saħħa. L-anzjani għandhom jiġu trattati bl-aktar għożża, rispett u dinjità. L-anzjani tagħna jeħtieġu l-appoġġ tagħna biex iħossuhom sikuri u fl-istess waqt jibqgħu f’kuntatt man-nies hemm barra.