Ejja nibqgħu prudenti u ngħattu wiċċna
L-ilbies tal-maskra jew il-visor huwa obbligatorju f’postijiet fuq ġewwa iżda l-infurzar tar-regolamenti f’postijiet pubbliċi u minn sidien individwali tal-ħwienet jidher li huwa inkonsistenti. Meta wieħed iżur xi ħwienet fl-irħula, is-sid ikun wara skrin tal-perspex imma ma jkunx qed jenforza l-obbligu li wieħed jgħatti wiċċu, u dan minkejja l-avviż li jkollu barra l-ħanut.
Ir-responsabbiltà trid tiġi mill-individwu. Riċerka xjentifika turi li l-ilbies ta’ maskra tikkontribwixxi għal tnaqqis kbir fir-riskju ta’ infezzjoni. Ilkoll nafu li l-maskri huma skomdi, restrittivi u jagħmluk tegħreq. Madankollu, hemm evidenza li turi l-benefiċċju fl-ilbies tagħhom. Imma meta d-deċiżjoni li wieħed jilbes maskra tiddependi fuq l-evalwazzjoni tar-riskji mill-individwu, ir-reazzjonijiet jistgħu jaqgħu fuq l-emozzjoni.
Diversi fatturi psikoloġiċi jikkontribwixxu biex wieħed jiddeċiedi jilbes maskra. In-nies ivarjaw kif jiġġudikaw u jaċċettaw riskju, dment liema informazzjoni jkunu esposti għaliha. Ir-riċerka tissuġġerixxi li aktar ma n-nies jaraw lil ħaddieħor jilbes il-maskra, il-probabbiltà li huma jilbsuha tiżdied.
Madankollu, jiena osservajt li l-irġiel huma l-aktar persuni li qed jonqsu milli jgħattu wiċċhom. Onestament, jiena stess xi kultant niddejjaq nilbes maskra imma interessajt ruħi naqra evidenza tispjega għaliex gruppi ta’ irġiel ma jilbsux il-maskra, partikularment xi żgħażagħ, persuni konservattivi u dawk li jimxu ma’ opinjonijiet tradizzjonali ta’ maskulinità. Kwistjonijiet bħal dawn mhumiex megħjuna minn dawk li jmorru fuq il-media soċjali u jpeċilqu li l-ilbies tal-maskra huwa għalxejn.
Jekk nobdu billi nilbsu l-maskra, huwa faċli għalina li nirrabjaw kontra dawk li ma jilbsuhiex. Madankollu li nkunu konxji tat-tweġibiet emottivi tagħna huwa x’aktarx kruċjali biex noħolqu l-bidla. Li niksru lil xi ħadd fil-pubbliku tista’ taħdem kontrik.
Il-ħajja matul din il-pandemija qed toħloqilna ħafna stress u timlina bl-emozzjoni, b’riżultat li qed jaffettwaw il-mod kif nikkomunikaw mal-oħrajn. Jekk nistgħu, nipprovaw nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet permezz tal-empatija.
X’irridu niggwadanjaw meta f’ħanut inkellmu li xi ħadd bil-maskra taħt geddumu jew saħansitra mingħajrha? Irriduhom jaħsbu dwar l-ilbies tal-maskra. Imma nistgħu nagħmlu dan b’mod ċivili u ngħidulhom li huwa prudenti li jgħattu wiċċhom taħt dawn iċ-ċirkostanzi. Meta nagħmlu dan inħossuna validi. Meta nħossuna sikuri biex nitkellmu, ħaddieħor iħossu sikur biex jaħsibha mill-ġdid.