Il-budget fit-tul tal-UE irid jittejjeb biex il-Parlament Ewropew jaċċettah
F’resoluzzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ bejn is-17 u l-21 ta’ Lulju 2020, addottata b’465 vot kontra 150, b’67 astensjoni, il-Membri Parlamentari Ewropej sellmu lill-vittmi tal-coronavirus u lill-ħaddiema kollha li kienu u għadhom jiġġieldu l-pandemija. Huma jenfasizzaw li “iċ-ċittadini fl-UE għandhom dmir kollettiv tas-solidarjetà.”
Pass pożittiv għal irkupru, inadekwat għal żmien fit-tul
Fit-test, li jservi ta’ mandat għan-negozjati li ġejjin dwar il-futur tal-iffinanzjar u l-irkupru Ewropew, il-Parlament laqa’ l-aċċettazzjoni tal-mexxejja Ewropej għal fond ta’ irkupru kif propost mill-Parlament f’Mejju, li sejjaħlu “pass storiku għall-UE”. Madankollu, iIl-Membri Parlamentari Ewropej iddeploraw “it-tnaqqis kbir għall-komponenti tal-għotjiet” u sejħu għal involviment demokratiku sħiħ tal-Parlament fl-istrument ta’ irkupru li “ma jagħtix rwol formali għal membri eletti tal-Parlament Ewropew”.
Dwar il-budget Ewropew għal żmien fit-tul, huma ma japprovawx it-tnaqqis li sar fuq programmi orjentati għall-futur u jqisu li “tali tnaqqis se jimmina l-pedamenti ta’ irkupru sostenibbli u reżiljenti”. Programmi Ewropej ewlenin għall-ħarsien tal-klima, it-transizzjoni diġitali, is-saħħa, iż-żgħażagħ, il-kultura, ir-riċerka jew it-tmexxija tal-fruntieri “huma f’riskju ta’ tnaqqis immedjat fil-fondi mill-2020 sal-2021”, u mill-2024, “il-budget tal-UE b’mod sħiħ se jkun ‘il isfel mil-livelli tal-2020, u dan se jkun qed jostakola l-impenji u l-prijoritajiet tal-UE.”
Il-Parlament ma jistax jaċċetta ftehim ħażin
Il-Parlament għalhekk ma jaċċettax il-ftehim politiku tal-Kunsill Ewropew fuq il-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali (MFF) tal-2021-2027 kif inhu “u mhux se jaċċetta fait accompli”. Il-Membri Parlamentari Ewropej huma “lesti li ma jagħtux il-kunsens tagħhom” għall-budget fit-tul tal-UE, il-Qafas Finanzjarju Multiannwali sakemm jintlaħaq ftehim sodisfaċenti fin-negozjati li ġejjin bejn il-Parlament u l-Kunsill, preferibbilment sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ottubru biex il-programmi tal-UE jkunu jistgħu jibdew mingħajr xkiel mill-2021.