L-aħbarijiet xokkanti li qed joħorġu mill-Qorti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qed iżidu d-doża ta’ ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. 

L-investigazzjonijiet, li suppost kellhom isiru mill-Pulizija imma minflok saru mill-media indipendenti, żvelaw aktar prattiċi ta’ korruzzjoni. Dawn l-aħħar żviluppi juru kemm f’dawn l-aħħar snin, kien hemm relazzjoni abbużiva bejn politiċi stabbiliti u negozjanti diżonesti. 

L-aħbar li kellna fi tmiem il-ġimgħa  li għaddiet, tax-xiri tal-ishma li l-Enemalta għamlet fwindfarm fil-Montenegro u r-rabta ta’ dan mas-suspett ewlieni fl-assassinju, iqajjem iżjed tħassib  u s’issa ma kien hemm ebda kredibbiltà li dan il-proġett kien wieħed leġittimu. 

Rajna jew smajna li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kellu ebda għarfien bir-rabta li s-suspett ewlieni fl-assassinju kellu mal-proġett imsemmi hawn fuq. Madankollu, wieħed irid ikun tassew iblaħ biex jaħseb li l-eks Prim Ministru ma kienx jaf  bil-proġett jew inkella  li ma kienx involut fid-due diligence li kellha ssir. Persuni ta’ rieda tajba wkoll jinsabu dubjużi minn dak li qal l-eks Prim Ministru, li dak li kien iċ-Chief of Staff tiegħu ma  kienx involut fin-negozjati. 

F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa inaċċettabbli li aħna, iċ-ċittadini, nibqgħu niġu mgħoddija biż-żmien. F’ġieħ il-governanza tajba, il-Prim Ministru attwali għandu jaġixxi issa u jelimina l-perċezzjoni hemm barra li politiċi diżonesti ma jintlaħqux mill-ġustizzja. Il-poplu ma mpressjonax ruħu meta l-Prim Ministru Abela qal li “jinsab  diżgustat”. Dan  mhux biżżejjed. Irid juri li verament Prim Ministru li jrid jeqred il-korruzzjoni li kompliet tħammar wiċċ pajjiżna fix-xena internazzjonali. 

Intant Voice of the Workers isejjaħ lill-politiċi involuti biex jerfgħu r-responsabbiltà u jirriżenjaw mir-rwoli pubbliċi tagħhom. M’għandhomx jibqgħu jingħataw protezzjoni. Dan  il-portal ukoll isejjaħ lid-diretturi tal-Enemalta sabiex jerfgħu r-responsabbiltà għall-iskandlu tal-windfarm fil-Montenegro. Sadattant, organizzazzjonijiet internazzjonali qed jitfgħu ħarsithom fuq Malta biex jaraw kif il-Gvern se jirreaġixxi kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. 

Sakemm jittieħdu azzjonijiet drastiċi biex terġa’ tirrenja l-fiduċja fis-saltna tad-dritt, l-iskandli se jiżdiedu u jibqgħu joħolqu riperkussjonijiet serji fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. 

 

Dan l-editorjal inkiteb it-Tnejn 22 ta’ Ġunju 2020