Min huwa nisrani u jixtieq id-deni lill-proxxmu huwa ipokrita
Waqt l-imxija tal-Coronavirus, rajna żmien ta’ għaqda u dan kien mument sabiħ għall-pajjiż. Bil-mod il-mod, is-sentiment ta’ pajjiżna beda jinbidel u jdur għat-tribaliżmu.
Wieħed mill-episodji li kkaratterizza dan is-sentiment kien il-migrazzjoni. Esperjenzajna każ ta’ razziżmu fil-konfront ta’ plejer tal-futboll. Rajna wkoll stejjer ta’ mibegħda fil-konfront ta’ persuna transesswali u reġa’ kellna eżempji ta’ tribaliżmu fuq livell politiku. Possibbli ma tgħallimna xejn f’dawn l-aħħar xhur?
Min isegwi l-media soċjali forsi ltaqa’ ma’ posts minn ċertu individwi li xtaqu d-deni lil min qed jaqsam mil-Libja għall-Mediterran biex ifittex l-ażil u futur aħjar. Dan l-aħħar kellna episodju serju ħafna ta’ grupp ta’ immigranti li dam ġimgħat bejn sema u ilma. Posts partikulari xtaqu lill-immigranti “biex jittieklu mill-klieb-il baħar”. Oħrajn, flok ikkundannaw dan il-kliem, żiedu d-doża ta’ mibegħda u qalu “li l-klieb-il baħar ma jiklux ħmieġ”. Wieħed jistaqsi: min jikteb tali posts għandu l-wiċċ jgħid li huwa nisrani? Inkunu nsara meta ngħidu li għandna nibgħatu lill-immigranti lura l-Libja meta hemm evidenza ċara li jekk imorru lura dawn il-persuni jistgħu jispiċċaw maqtula?
Dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, il-Papa Franġisku jisħaq li “ma nistgħux inkunu Kristjani jekk ma ngħixux ta’ Kristjani”. Il-Kap tal-Knisja Kattolika jkompli jgħid li “nies li għandhom bżonn l-għajnuna ma nistgħux nibgħatuhom lura l-Libja”. Il-Papa iżid li “jekk insejħu lilna nfusna nsara u nagħmlu dawn l-affarijiet, mela aħna ipokriti”.
Jekk wieħed jara n-narrattiva fil-kuntest tad-diskussjonijiet politiċi u n-negozjati li qed isiru, jasal għall-konklużjoni li ma nistgħux nibqgħu sejrin f’dawn iċ-ċirkostanzi. L-Ewropa trid tqum minn din ir-raqda li tinsab fiha. Wieħed jasal biex jaqbel li ma nistgħux naċċettaw l-immigranti mingħajr ma jkollna l-għajnuna tal-pajjiżi fl-Ewropa li huma ħafna ikbar minna u jistgħu jagħtu iżjed opportunitajiet lil dawn in-nies. Imma li nużaw lil dawn il-persuni biex bihom f’nofs ta’ baħar niġġieldu din is-sitwazzjoni, la hi attitudni ta’ nsara u lanqas mhi attitudni umana.
L-istejjer ta’ persuni li qed jaqsmu l-Mediterran għal ħajja aħjar qed ikunu rappurtati fl-aktar rivisti prominenti internazzjonali. Ir-rappurtaġġ li qed isir, fejn persuni qed imutu mgħarrqa, qed jagħmel ħafna ħsara lill-pajjiż.
Jeħtieġ li Malta ssabbat iktar saqajha u tisħaq li m’għandniex nużaw in-nies biex nirbħu jew nitilfu argument. In-nies huma nies u kulħadd għandu d-drittijiet tiegħu.