Jeħtieġ infurzar bis-serjetà kontra ż-żieda fil-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali
Il-pubbliku qed jilmenta, u bir-raġun, dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali matul l-imxija tal-Coronavirus.
Ċertu ħwienet allegatament qed japprofittaw mill-bejgħ ta’ oġġetti skarsi li huma utli biex jipprevjenu t-tixrid tal-virus. Dawn l-affarijiet jinkludu l-hand sanitizers, maskri, ingwanti, disinfettanti għat-tindif, mediċini kif ukoll vitamini u inhalers.
Għandu wkoll ikun hemm kontroll fil-prezzijiet tal-ikel, partikularment il-ħaxix, fejn ċertu bejjiegħa qed ibigħu prodotti agrikoli bi prezzijiet esaġerati.
Sabiex ikunu protetti persuni vulnerabbli, li fiċ-ċirkostanzi qed ikollhom iħallsu prezzijiet għoljin għal dawn l-oġġetti, u sabiex ikun assigurat li ħadd mhu qed jieħu vantaġġ mill-kriżi preżenti, il-Gvern għandu jagħmel użu mill-poteri tiegħu u jintroduċi miżuri fil-kontroll tal-prezzijiet. Tali kontrolli jkunu jfissru li negozju ma jkunx jista’ jbigħ oġġetti essenzjali bil-għoli. Jekk sid ta’ ħanut jinqabad b’kontravenzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għandu jeħel multa.
L-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur għandha timmonitorja dawn il-miżuri fil-kontroll tal-prezzijiet u trid tieħu azzjoni xierqa fl-infurzar kontra dawk il-ħwienet li japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni.
Barra minn hekk, sabiex ikun hemm valutazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni, il-Gvern għandu jħeġġeġ lill-pubbliku biex jirrapporta xi abbużi li jkunu qed iseħħu u prattiċi oħrajn li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-konsumatur matul din il-kriżi.
Filwaqt li għandu l-għodda għad-dispożizzjoni tiegħu, dan il-portal qed jistieden lill-Gvern biex jużahom u ma jħallihomx fuq l-ixkaffa ħalli jipproteġi lill-konsumaturi, speċjalment dawk li huma vulnerabbli.