Il-Coronavirus se jibdel il-mod kif ngħixu?
Il-virus Covid-19 li suppost qed iżommna magħluqin fid-djar tagħna – forsi għal numru ta’ xhur – diġà qed ibiddel ir-relazzjoni tagħna fil-komunità u saħansitra ma’ xulxin. L-esperti jgħidu li wħud minn dawn il-bidliet, li bdejna naraw jew għad naraw fix-xhur li ġejjin, jistgħu jħassbu lin-nies: il-fruntieri tal-pajjiżi se jibqgħu magħluqin?, li persuna tieħu b’idejn persuna oħra se jkun ipprojbit? x’se jiġri mis-swieq tax-xogħol, mill-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi, mill-ħwienet, mir-ristoranti u min-negozji?
Dan il-virus bħalissa qed jistaġna lil kulħadd u saħansitra qed iwaqqaf jew qed idgħajjef l-ekonomiji dinjija. Pajjiżna għadu kważi f’lock down. Diġà qed ikunu rappurtati każijiet ta’ min huwa mifni b’piżijiet finanzjarji. Diversi persuni jinsabu bla xogħol. Il-ħajja, għal xi wħud, mhux se tibqa’ l-istess. Il-Gvern kien ħabbar miżuri ta’ għajnuna għall-ħaddiema u n-negozji. Iżda hemm setturi ta’ ħaddiema oħrajn li tħallew barra u mhux qed jirċievu l-assistenza meħtieġa. .
Dan il-mument ta’ kriżi, madankollu, qed jissarraf f’opportunità. F’din il-kwistjoni kollha, it-teknoloġija qed tirbaħ ħafna punti. Għal xi wħud, ix-xogħol permezz tal-internet – bħall-webinars, l-iSkype u t-teleworking – qed ikun l-ordni tal-ġurnata. Il-broadband qed ikun imsaħħaħ kullimkien u kumpaniji bħal Amazon, Apple u Netflix naqqsu l-kwalità tal-istreaming tagħhom sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-broadband f’pajjiżi Ewropej.
Filwaqt li l-għodda tal-komunikazzjoni qed tagħti lok għal iżjed aċċess kif naħdmu, min-naħa l-oħra qed twassal għad-distanza soċjali. Xi wħud mill-ulied u n-neputijiet qed jikkomunikaw mal-ġenituri u man-nanniet permezz tat-telefon, tal-media soċjali jew tal-Iskype. Sabiex kulħadd iżomm ruħu ‘l bogħod minn xulxin biex jevita l-mard, il-kuntatt uman għalissa qed ikun minimizzat. Nittamaw li wara li neħilsu minn dan il-virus, ma nħallux lil min jiġi minna fis-solitudni!
Bil-messaġġi u bit-twissijiet li qed nirċievu llkoll nafu li rridu nagħtu kas tal-iġjene personali bil-ħasil tal-idejn, niddisinfettaw l-affarijiet li mmissu b’idejna u li għandna nżommu d-distanza minn xulxin. Dan il-mod kif ngħixu jista’ jieħu fit-tul u, irridu jew ma rridux, għandna naddattaw ruħna għal din il-bidla temporanja. Wieħed jittama, iżda, li malli tgħaddi din il-burraxka, dawn l-affarijiet ma jispiċċawx in-norma. Nisperaw ukoll li ma naqgħux fin-nasba tal-fissazzjonijiet.
Naħseb li s-soċjetà tagħna se toħroġ minn din il-pandemija billi tapprezza iżjed l-ispazji miftuħin, mhux biss biex nattendu avvenimenti pubbliċi, imma biex tkun opportunità għalina li nkunu flimkien viżwalment mingħajr il-bżonn li nkunu xi sitt piedi ‘l bogħod minn xulxin.