Il-baġit fit-tul tal-UE huwa għodda għall-futur tal-Ewropa
F’dibattitu dwar il-finanzjament tal-UE għall-2021–2027, il-MPE enfasizzaw li l-Parlament se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal baġit biss jekk dan ikun kapaċi jilħaq l-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Id-diskussjonijiet dwar il-baġit huma diskussjonijiet dwar il-futur tal-UE, qalu l-MPE f’dibattitu fil-plenarja ma’ Nikolina Brnjacc, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Kroazja, li tirrappreżenta l-Kunsill, u l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen. Id-dibattitu ippreċeda s-summit speċjali tal-UE li tlaqqa’ fl-20 ta’ Frar, fejn l-Istati Membri pprovaw jaqblu dwar pożizzjoni komuni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) li jmiss. Il-parti l-kbira tal-MPE insistew li finanzjament suffiċjenti huwa essenzjali biex jinkisbu l-ambizzjonijiet komuni bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika, kif ikunu trattati l-konsegwenzi soċjali ta’ din tal-aħħar, u jitkompla l-appoġġ għar-reġjuni u l-bliet, il-bdiewa, iż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi u l-intraprendituri fost oħrajn. L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku b’baġit imnaqqas, pereżempju, tkun tfisser it-tnaqqis ta’ programmi tal-UE li jkunu ta’ suċċess band’oħra, enfasizzaw il-Membri tal-Parlament Ewropew. Xi MPE qalu li jeħtieġ li ċerti politiki tal-UE jiġu vvalutati b’aktar reqqa, u li hija meħtieġa aktar dixxiplina fuq l-infiq. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ dħul (“Riżorsi Proprji”) għall-UE u r-rabta tal-baġit tal-UE mar-rispett għall-istat tad-dritt ġew indikati bħala kruċjali għall-MPE.