Il-vuċijiet tad-dimostranti qatt ma dwew tul it-toroq tal-belt Valletta daqs dawn l-aħħar ġimgħat, bi protesti fil-kapitali tagħna kważi ttellgħu kuljum. 

Eluf ta’ persuni laqgħu l-istediniet ta’ Occupy Justice, Repubblika u manueldelia.com u ħonqu l-pjazza quddiem il-Parlament kif ukoll it-toroq tal-Belt filwaqt li talbu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru u biex kulmin huwa involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jitressaq quddiem il-ġustizzja. 

Dawn l-episodji qajmu mill-ġdid l-attiviżmu tas-soċjetà ċivili. Din il-kelma timplika l-avvanz tal-kunċett tal-ġustizzja fis-soċjetà. 

Kulmin hu ta’ rieda tajba f’dan il-pajjiż irid jagħmel xi ħaġa għat-tisħiħ tas-soċjetà, imma ftit huma dawk il-kuraġġużi li qed jisfidaw il-qagħda prekarja li qed ngħixu bħalissa u qed imexxu kampanja attiva biex isem Malta jitnaddaf mit-tiċpis ikrah tal-korruzzjoni. Il-persuni li wkoll qed imexxu din il-kruċjata sabiex il-kriminali li qatlu lil Daphne Caruana Galizia jieħdu dak li ħaqqhom huma ta’ ispirazzjoni għall-eluf ta’ Maltin. Għandna nkunu xxurtjati bil-ftit attivisti edukati u ta’ talent kbir fostna. 

Imma x’inhu l-attiviżmu? L-attiviżmu jinkoraġġixxi l-kontro-argumenti u l-vuċijiet voċiferi filwaqt li jippreżenta mod demokratiku biex wieħed isolvi sitwazzjonijiet ta’ konflitt. B’dan il-mod, l-attiviżmu huwa għodda importanti li biha l-edukazzjoni pubblika u t-teħid tad-deċiżjonijiet javvanzaw ruħhom. L-attiviżmu iċaqlaq l-istatus quo u l-protesti li spiss kienu organizzati qed jaħdmu.  

Għaldaqstant, l-attiviżmu għandu jeżisti f’kull qasam tal-ħajja speċjalment f’pajjiż bħal tagħna fejn individwi u istituzzjonijiet kienu korrotti, wettqu żbalji kbar u qagħdu lura milli għamlu dmirijiethom skont is-sewwa u l-ġustizzja. Sfortunatament, dawn l-atti ħżiena kienu u għadhom omnipotenti f’pajjiżna. Allura, huwa tajjeb li Malta jkollha nies li ma jibżgħux mit-taħwid u l-iskandli li nħakmet bihom. Dawn in-nies huma l-attivisti li pajjiżna tant għandu bżonn. 

L-eks President Amerikan Abraham Lincoln ifakkarna li, To sin by silence when they should protest, makes cowards of men.