Nikkultivaw l-imħabba għat-tagħlim matul il-ħajja
Ħafna nies jassoċjaw it-tagħlim mal-edukazzjoni formali fl-iskola, f’dik post-sekondarja u fl-universita’.
Ġeneralment huwa veru li edukazzjoni formali u l-kwalifiki li jirriżultaw huma importanti. L-edukazzjoni tista’ timmassimizza l-potenzjal tagħna biex insibu impjiegi aħjar u sodisfaċenti, naqilgħu aktar flus u, forsi, nagħmlu iżjed suċċess fil-karriera tagħna.
Madankollu, l-edukazzjoni fl-iskola hi biss tip wieħed ta’ tagħlim. Hemm iżjed opportunitajiet oħrajn biex inżidu l-għarfien u niżfiluppaw il-ħiliet li rridu matul il-ħajja.
L-għarfien jista’ jinkiseb u l-ħiliet jistgħu jiġu żviluppati kullimkien – it-tagħlim huwa inevitabbli u jseħħ il-ħin kollu. Madankollu, it-tagħlim matul il-ħajja hu dwar kif noħolqu u nżommu attitudni pożittiva fit-tagħlim għall-iżvilupp personali u professjonali tagħna.
Mil-lat personali, it-tagħlim itejjeb il-kunfidenza tagħna, jagħmilna iżjed disposti għall-bidliet, jgħinna niksbu ħajja personali aktar sodisfaċenti, jisfida l-ideat u t-twemmin tagħna u jista’ ukoll ikun divertenti.
Meta nitkellmu fuq l-iżvilupp personali, li tkun edukat akkademikament mhux neċessarjament iċ-ċavetta biex wieħed isib ix-xogħol. Għalkemm il-kwalifiki jistgħek iwassluk għall-interview, li tikseb impjieg ifisser ħafna iżjed.
Min iħaddem qed ifittex persuni li juru l-ħeġġa biex jitgħallmu u jiżviluppaw. Fil-kuntest ta’ post tax-xogħol, issoltu ma nitkellmux dwar edukazzjoni jew tagħlim, imma minflok nitkellmu fuq it-taħriġ: terminu li jagħmilha ċara li l-iskop tal-istudju mhux il-gost tat-tagħlim jew biex nespandu moħħna, imma skop iffokat biex intejbu lilna nfusna fix-xogħol li nkunu qed nagħmlu.
Waqt li inti impjegat, ħu vantaġġ mit-taħriġ jew minn opportunitajiet ta’ mentoring u aħdem fuq l-iżvilupp professjonali kontinwu tiegħek għax il-probabbilta’ hi li tmur aħjar f’dak li tagħmel u tkun iżjed indispensabbli għal min jista’ jimpjegag fil-futur.