L-importanza tal-appoġġ soċjali fil-post tax-xogħol
L-appoġġ soċjali fil-post tax-xogħol hu aspett importanti ta’ tim b’saħħtu. Meta nafdaw lil xulxin nistgħu noħolqu sens ta’ fiduċja u għaqda filwaqt li nikkontribwixxu għal kultura pożittiva fix-xogħol.
Kultura ta’ appoġġ soċjali fil-post tax-xogħol iġġib benefiċċji kemm għall-ħaddiema u għall-post tax-xogħol innifsu. Aktar ma l-ħaddiema jħossu appoġġ soċjali, aktar ikunu involuti u sodisfatti bl-impjieg tagħhom; aktar ikunu impenjati lejn il-post tax-xogħol.
L-appoġġ soċjali hu wkoll assoċjat ma’ tnaqqis fl-assenteiżmu fost il-ħaddiema. Ir-riċerkaturi sabu li l-appoġġ soċjali hu wkoll marbut ma’ saħħa mentali tajba u saħħa fiżika tajba. Instab li tali appoġġ inaqqas l-istress u d-depressjoni.
Wieħed jista’ jassumi li l-benefiċċji tal-appoġġ soċjali qegħdin meta wieħed jirċievi l-appoġġ soċjali – meta ħaddiem jirċievi l-għajnuna mingħand ħaddieħor jesperjenza l-benefiċċji. Dan jagħmel sens. Iżda r-riċerka sabet li l-att li tagħti appoġġ soċjali huwa daqstant importanti, jekk mhux aktar importanti, milli tirċevih. Meta nagħtu appoġġ soċjali nħossuna kuntenti, u meta nkunu kuntenti fuq ix-xogħol inkunu iżjed produttivi, kreattivi u involuti. Jagħtina skop u inħossuna li qed nikkontribwixxu b’mod attiv lejn is-suċċess tal-kollegi tagħna.
Forsi l-uniku ostaklu għall-appoġġ soċjali huwa ż-żmien – dejjem hemm ħafna xogħol x’nagħmlu milli għandna ħin għad-dispożizzjoni. Allura, meta xi ħadd jitlobna l-għajnuna, jew jitlobna favur, nistgħu naqgħu għat-tentazzjoni li ngħidu le. Imma riċerka interessanti ġdida fil-fatt qed turi li meta nagħtu l-ħin tagħna nħossu li għandna iżjed ħin x’nallokaw fil-ġurnata. Meta n-nies taw ħinhom lil ħaddieħor, mhux biss iħossu li għandhom iżjed żmien, iżda wkoll irrapportaw li għandhom aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom.
Dan kollu, mela jfisser li jkun utli li nieħdu l-passi neċessarji sabiex noħolqu kultura fejn in-nies mhux biss jkollhom ir-rieda, imma jkunu kuntenti biex jgħinu lil ħaddieħor. Fuq kollox dan hu ta’ benefiċċju għal kulħadd – għall-impjegat li jgħin, għall-impjegat li jirċievi l-għajnuna u għall-post tax-xogħol innifsu.