Fondi Ewropej għax-xogħol u proġetti fl-innovazzjoni soċjali
Ix-xogħol jibqa’ wieħed mill-kwistjonijiet prinċipali fil-quċċata tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Programmi dwar fondi Ewropej jirriflettu l-politika u l-miri leġislattivi tal-UE u għalhekk ma tkunx sorpriża li l-UE għandha numru ta’ programmi ta’ fondi li jippromwovu l-apprentistat, il-kisba tal-ħiliet u l-għeluq tad-diskrepanzi fil-ħiliet fi ħdan is-suq waħdieni tal-UE.
Il-programm ta’ fondi tal-UE dwar ix-Xogħol u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) ifittex li jippromwovi opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalita’, sabiex jiggarantixxi ħarsien soċjali adekwat, itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll jiġġieled l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Minħabba dawn l-għanijiet, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trade unions huma l-aktar applikanti eliġibbli taħt dan il-programm ta’ fondi.
Sabiex jirċievu fondi permezz ta’ dan il-programm, applikanti eliġibbli jridu jirrispondu għal sejħa ta’ proposti. Waħda mis-sejħiet miftuħin ta’ EaSI hi ‘Is-sejħa ta’ proposti dwar l-Innovazzjoni Soċjali u r-Riformi Nazzjonali – kura għal żmien fit-tul’. Proġetti li jaqgħu taħt din is-sejħa għandhom jimmiraw li jilħqu tal-inqas tnejn minn tliet objettivi: jiżviluppaw u jniżżlu bil-miktub modi innovattivi għall-provvediment ta’ kura għal żmien fit-tul (LTC); jiżviluppaw mudelli sostenibbli ta’ sħubija fuq diversi livelli u/jew jużaw l-innovazzjoni soċjali fl-ippjanar tal-politika u l-monitoraġġ tal-LTC.
Sejħiet miftuħin għal proposti għal EaSI u programmi ta’ fondi tal-UE oħrajn jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-MEUSAC. Għal aktar informazzjoni dwar dan il-programm ta’ fondi kkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew ċempel fuq 2200 3300