Ir-rwol tas-soċjeta’ ċivili llum
Is-soċjeta’ ċivili tissodisfa rwol tassew prezzjuż fis-soċjeta’ moderna, billi tgħin sabiex jimtela’ l-vojt f’servizzi provduti mill-Gvern u s-settur kummerċjali, kif ukoll billi jisħqu għal bidliet.
Is-soċjeta’ ċivili għandha l-qawwa li tinfluwenza l-azzjonijiet ta’ dawk li huma eletti fil-Parlament kif ukoll tan-negozjanti. Iżda n-natura tas-soċjeta’ ċivili – dik li hi u x’tagħmel – qed tevolvi kemm minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi kif ukoll għal bidliet influwenti fi ħdan is-soċjeta’ tagħna.
Id-definizzjonijiet ta’ soċjeta’ ċivili qed jinbidlu hekk kif soċjeta’ ċivili hi rikonoxxuta bħala waħda li tkopri aktar minn settur wieħed dominat mill-komunita’ tal-NGOs. Is-soċjeta’ ċivili llum tinkludi firxa aktar wiesgħa ta’ gruppi organizzati u oħrajn mhux daqstant organizzati. L-attivitajiet tas-soċjeta’ ċivili llum saru varjati, fosthom, li jżommu lill-Gvern u istituzzjonijiet oħrajn responsabbli kif ukoll jippromwovu t-trasparenza; iqajjmu għarfien fuq kwistjonijiet soċjali; iwasslu servizzi biex jilħqu l-ħtiġiet fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-sigurta’; jieħdu pariri professjonali biex isawwru strateġija u policies; jagħtu saħħa lil min hu marġinalizzat u jinkoraġġixxu sehem attiv fost iċ-ċittadini.
Gruppi tas-soċjeta’ ċivili saru jużaw ħafna t-teknoloġija hekk kif qed jużaw pjattaformi fuq il-media soċjali biex iqajmu kuxjenza dwar il-kawżi tagħhom. Imma qed jużaw ukoll it-teknoloġija biex itejbu l-effiċjenza ta’ xogħolhom.
Barra minn hekk in-nies hemm barra xi kultant tistaqsi dwar min jista’ jipparteċipa f’soċjeta’ ċivili. Għal dawk li jgħixu f’demokrazija, it-tweġiba hi lkoll kemm aħna nistgħu nkunu parteċipi. Imma bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Dan għax, tistinka kemm tistinka, il-ħidma tas-soċjeta’ ċivili tista’ ma tarax id-dawl minħabba nuqqasijiet u xkiel mill-Gvern.
Imma s-soċjeta’ ċivili ma tridx taqta’ qalbha. L-abbilta’ li turi tħassib u li tinfluwenza jew tikkritika l-politika tal-Gvern permezz ta’ djalogu kostruttiv mhumiex se jisfumaw fix-xejn. Grazzi għat-teknoloġija, is-soċjeta’ ċivili aktar minn qatt qabel tista’ tinforma lill-Gvern dwar dawk li hi taħseb li huma n-nuqqasijiet u dawk l-inizjattivu meqjusin bħala tajbin.
Forsi minflok nistaqsu x’tinkludi s-soċjeta’ ċivili, wasal iż-żmien li aktar persuni jieħdu sehem fiha.