Id-drittijiet tal-bniedem jiġu l-ewwel
F’konferenza organizzata minn UĦM Voice of the Workers biex jitfakkar Jum il-Ħaddiem fl-aħħar ta’ April, kienet diskussa r-Riforma tal-Kostituzzjoni. Id-diskussjoni kienet waħda interessanti ħafna u ġie enfasizzat il-bżonn li l-Kostituzzjoni tkun mgħallma fl-iskejjel. Hija biss il-Kostituzzjoni li tista’ tħares il-valuri u d-drittijiet tagħna.
Meta d-dutturi tal-liġi jiġu biex jabbozzaw kostituzzjoni, id-dettalji konkreti mhumiex l-aktar importanti. Li jgħodd hu l-kunċett tal-umanita’, li jagħti dinjita’ lil kull bniedem.
Meta nitkellmu dwar id-demokrazija llum, huwa rrilevanti jekk din hijiex demokrazija parlamentari bħal dik f’Malta, jew demokrazija presidenzjali bħal fi Franza jew fl-Istati Uniti. Ilkoll huma bbażati fuq l-idea li l-kuntatt uman fuq livell ta’ gvern jew dak pubbliku għandu jseħħ abbażi tad-dinjita’ li hija essenzjali għal kull bniedem mit-twelid. Dan ifisser li l-ordni legali hi bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem li, fil-prinċipju, tara lil kulħadd ugwali u ma tagħmilx distinzjoni.
Meta ngħidu li d-demokrazija tinsab fi kriżi, fil-fatt inkunu qed infissru li l-kostituzzjoni tinsab fi kriżi. Wieħed jista’, tal-inqas fit-teorija, leġittimament jibdel il-qafas kostituzzjonali li fih taħdem id-demokrazija. Imma d-drittijiet tal-bniedem ma jistgħux jinbidlu jew jiġi aboliti.
Allura xi nfissru meta ngħidu li l-kostituzzjoni tinsab fi kriżi? Il-ħassieb liberali Ralf Dahrendorf kien kiteb li kostituzzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tagħti u tiggarantixxi liċ-ċittadini d-drittijiet ċivili u soċjali. Ilkoll huma importanti, għax x’jiswa li jkollok id-dritt li tivvota, imma mbagħad ma jkollokx l-opportunita’ li tingħata edukazzjoni jew li jkollok saqaf fuq rasek?
It-tħaddim tad-drittijiet soċjali u ċivili jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini biex jieħdu sehem fil-ħajja demokratika. Imma d-dħul finanzjarju ta’ ħafna ċittadini Ewropej, partikularment tal-Maltin, ilhom staġnati għal ħafna snin. Fl-istess waqt, id-diġitizzazzjoni qed iżżid il-produttivita’ f’ħafna pajjżi tal-Punent inkluż f’Malta. B’riżultat ta’ dan, aktar u aktar nies qed isibuha diffiċli biex jipparteċipaw fil-vantaġġi li ġġib magħha d-demokrazija. Allura, jekk verament irridu nsalvaw id-demokrazija, irridu nagħmlu dak kollu possibbli biex inġibu dawn iż-żewġ linji lura fil-bilanċ u l-armonija.
Il-mod kif niksbu l-armonija huwa permezz tal-empatija, li tpoġġi dak li hu razzjonali u emozzjonali fil-bilanċ. L-oppost ta’ dan huwa l-antagoniżmu, emozzjoni terribbli li titqajjem mill-populisti madwar id-dinja.