Id-dibattiti dwar il-Futur tal-Ewropa fil-Parlament Ewropew
Id-dibattiti li saru fil-Parlament Ewropew dwar il-Futur tal-Ewropa offrew opportunita’ unika għall-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern biex jippreżentaw il-veduti tagħhom dwar id-direzzjoni li s-27 stat membru għandhom jieħdu fil-futur.
Dan l-eżerċizzju wera, fuq naħa, li l-ħsibijiet ta’ liema oqsma ta’ politika importanti ħafna huma differenti fost il-kelliema, u, fuq in-naħa l-oħra, li għandhom veduti komuni fuq ħafna kwistjonijiet. Premessa li l-kelliema kollha qablu fuqha hi l-valur miżjud tas-sħubija fl-UE minħabba l-benefiċċji ekonomiċi jew dawk dwar is-sigurta’.
Il-kelliema kollha kkunsidraw li l-isfidi tas-seklu 21 ma jistgħux jissolvu mill-istati membri billi jaġixxu b’mod individwali, minkejja l-kobor tal-pajjiż jew il-prosperita’ ekonomika. F’dan is-sens, il-kelliema kollha saħqu dwar il-bżonn tal-għaqda fl-UE, b’referenza wkoll għall-valuri Ewropej li jeħtieġu jkunu priservati, filwaqt li hu mifhum li l-oriġini ta’ tali valuri ġejja minn diversi sorsi.
Ir-rieda li jkun rikonoxxut il-valur miżjud tal-UE wassal lil diversi kelliema biex jenfasizzaw il-bżonn li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-magna tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej. Uħud mill-kelliema jridu jaraw liċ-ċittadini aktar involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u oħrajn iridu li jkunu iżjed informati dwar il-kisbiet tal-UE.
Id-dibattiti żvelaw li ma tantx hemm xewqa għal riformi fit-Trattat, allura t-tisħiħ għandu jkun ibbażat fuq il-qafas legali preżenti. Meta niġu għall-identifikazzjoni tal-ħtiġiet ta’ policies, il-maġġoranza tal-kelliema semmiet il-migrazzjoni, il-bidla fil-klima u s-sigurta’ bħala t-tliet oqsma prinċipali ta’ prijorita’. Hawnhekk, madankollu, bħal f’policies oħrajn, l-estent għaliex l-UE għandha tkun involuta hi differenti fost il-kelliema. Punt importanti ieħor hu jekk għandniex nabbandunaw il-prinċipju tal-unanimita’ u jekk hu hekk, f’liema setturi. L-analiżi wkoll wriet li xi kultant l-għażla tas-suġġetti (eżempju il-qgħad) saret mhux biss għall-affiljazzjonijiet politiċi speċifiċi imma wkoll għall-avvenimenti internazzjonali ġenerali (eżempju t-tilwimiet kummerċjali mal-Istati Uniti) jew għall-kwistjoni li tkun fuq l-aġenda f’livell Ewropew (eżempju l-iSpitzenkandidaten).
Id-dibattiti wkoll offrew pjattaforma għall-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern biex iressqu l-proposti tagħhom. Tabilħaqq, ideat ġodda – għalkemm potenzjalment kontradittorji – ġew mill-kelliema fuq oqsma relatati ma’ policy kif ukoll suġġetti istituzzjonali wiesa’. Dwar l-oqsma prinċipali ta’ policy, fil-qasam tal-EMU, id-diverġenzi jippersistu bejn ideat relatati mat-tnaqqis tar-riskju (jiġifieri budgets ibbilanċjati u sistema bankarja tajba), u pożizzjonijiet li jenfasizzaw il-ħtieġa għal solidarjeta’ fost l-istati membri. Il-migrazzjoni tibqa’ qasam fejn strateġija Ewropea komuni hi meħtieġa, għalkemm id-differenzi jippersisti dwar ir-riforma tas-sistemi komuni Ewropea għall-ażil (CEAS) u d-dikotomija ta’ pożizzjonijiet li jisħqu dwar is-solidarjeta’ jew il-flessibbilta’.
Fuq id-dimensjoni soċjali, il-maġġoranza tal-kelliema li tkellmet dwar il-kwistjoni appoġġjat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Filwaqt li ħafna qalu li l-policies soċjali u ta’ ħarsien għandhom jingħataw prijorita’ fuq livell Ewropew, uħud ipproponew assigurazzjoni dwar il-qgħad jew paga minima Ewropea.
Dwar il-kummerċ, il-maġġoranza tal-kelliema li indirizzat il-kwistjoni saħqu dwar il-ħtieġa li jkun evitat il-protezzjoniżmu jew l-ideat nazzjonalisti filwaqt li jipproteġu aktar l-interessi strateġiċi tal-UE u jippreservaw il-livelli soċjali u ambjentali. Rigward il-qafas finanzjarju multiannwali (MFF), dawk li indirizzaw id-daqs tal-budget Ewropew kienu bbilanċjati b’mod ġust għax iridu jnaqqsuh, ikabbruh jew b’mod ġenerali jagħmluh skont il-ħtiġiet Ewropej. Hawnhekk, għal darb’oħra, il-kelliema kienu maqsumin dwar jekk iżommux l-infiq kif inhu fuq il-policies strutturali u ta’ koeżjoni.
Dwar is-sigurta’ u d-difiża, il-kelliema wrew xewqa kbira li jkun hemm aktar sigurta’ u difiża, minħabba t-theddid estern li qed tiffaċċja l-UE. Filwaqt li l-ħolqa transatlantika u l-multilateralizmu jibqgħu fatturi sinifikanti, ħafna mexxejja wkoll saħqu dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża.