L-Elezzjonijiet Ewropej
Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea se joħorġu jivvotaw bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019 sabiex jeleġġu l-Parlament Ewropew il-ġdid. Iċ-ċittadini Maltin se jkollhom l-opportunita’ li jivvotaw nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019.
L-elezzjonijiet li ġejjin se jkunu l-ewwel li se jkunu qed isiru wara t-tluq ta’ stat membru mill-Unjoni Ewropea – id-data msemmija għal Brexit hi t-30 ta’ Marzu 2019, u b’riżultat ta’ dan il-Parlament se jkun iżgħar – in-numru ta’ membri għall-perijodu 2019 – 2024 se jitnaqqas minn 751 għal 705.
Minbarra bidla fis-siġġijiet parlamentari, l-osservaturi wkoll jistennew parlament iżjed maqsum, minħabba x-xejra ta’ appoġġ elettorali dejjem nieżel għal partiti politiċi tradizzjonali u l-qawmien ta’ forzi politiċi ġodda fiż-żewġ trufijiet tal-ispettru politiku.
Kull ċittadin Ewropew hu mħeġġeġ biex l-ewwel jirreġistra l-interess tiegħu biex jivvota fil-portal tal-kampanja uffiċjali tal-Parlament Ewropew thistimeimvoting.eu, u t-tieni biex juża l-għodda disponibbli ħalli jkun informat qabel ma jiddeċiedi.