Trid issaħħaħ is-saħħa mentali tiegħek din is-sena?
Hekk kif bdejna sena ġdida, huwa ż-żmien li nirriflettu fuq il-passat u nagħmlu pjan għaż-żmien li ġej. Imma qabel ma tiddeċiedi biex fl-aħħar tieqaf tpejjep jew tagħmel id-dieta, għaliex ma tikkunsidrax tinvesti wkoll fis-saħħa mentali tiegħek? Din is-sena, ipprova implimenta dawn il-ħames strateġiji sempliċi biex ittejjeb is-saħħa mentali u l-kuntentizza tiegħek.
Kun ħanin miegħek innifsek. Tkunx iebes miegħek innifsek li tinsa tgawdi l-ħajja li għandek. Meta ssib ruħek imħasseb, iffoka mill-ġdid l-attenzjoni tiegħek fuq l-affarijiet kollha li għandek, kisbiet li rnexxielek tilħaq u dawk in-nies li tħobb u li jappoġġjawk. Kun af li lkoll kemm aħna niżbaljaw. Aċċetta lilek innifsek u agħti miri u aspettattivi realistiċi fil-ħajja. Barra minn hekk, alloka ħin għalik innifsek minkejja x-xogħol u t-taħbit li għandek.
Immedita. Minbarra li tbiegħed l-istress, il-meditazzjoni tagħmlek iżjed assertiv, ittejjiblek il-burdata, tgħin lill-memorja u ssaħħaħ l-irqad. Sib ftit ħin kull filgħodu, imqar għaxar minuti, u agħlaq għajnejk fil-kwiet. Żgur li wara tħossok iżjed rilassat.
Qatta’ aktar żmien fil-kampanja. Mixja sabiħa u twila fil-kampanja tagħmillek ħafna ġid. Meta ssib ruħek fin-natura, l-istress u l-ansjeta’ jonqsu, il-burdata tkun aħjar u moħħok ikun iżjed rilassat biex taħdem.
Agħti prijoritajiet ċari. Ippjana sew is-sena l-ġdida billi tevalwa l-prijoritajiet tiegħek u biex tqatta’ iż-żmien li ġej b’mod sensibbli. Elenka xi ħames miri li tixtieq tilħaq din is-sena, kemm dawk professjonali kif ukoll dawk personali. Imbagħad ipprijoritizza dawk l-affarijiet li bi ħsiebek tagħmel skont il-miri li għandek f’moħħok. Dan jgħinek biex tkun motivat, iffokat u tikseb ir-riżultati mingħajr ma tispiċċa meħlub.
Orqod biżżejjed. Il-qafas tal-irqad tiegħek u s-saħħa mentali huma marbutin ma’ xulxin. Sigħat adekwati ta’ irqad jgħinu fil-burdata, fil-memorja, fl-assertivita’, fil-produttivita’ u anki fil-kreattivita’. Li tkun deprivat mill-irqad jista’ jwassal għal problemi f’saħħtek, inkluż, l-għejja mentali u żieda fil-piż. Jiżdied ukoll ir-riskju ta’ mard fil-qalb u d-depressjoni filwaqt li s-sistema immunitarja tiddgħajjef. Jikkumplimentaw raqda tajba huma dieta tajba u l-eżerċizzju fiżiku.
Is-Sena t-Tajba!