Is-soċjeta’ moderna saret wisq materjalistika
“L-aħjar affarijiet fil-ħajja mhumiex l-affarijiet”. Din il-kwotazzjoni hi tassew ta’ min jixtarraha imma hemm ħafna x’tista’ tgħid dwar din l-istqarrija sempliċi iżda veritiera.
Ilkoll ngħixu f’soċjeta’ materjalistika fejn il-maġġoranza tan-nies hi aktar inkwetata dwar dak li għandna milli fuq min aħna. Illum hawn wisq enfasi fuq dik id-ditta ta’ ħwejjeġ li qed tilbes, liema karozza qed issuq u fuq il-ħafna li għandek b’mod ġenerali. Xi nies iħarsu lejn min jgħix fil-lussu u x-xalar u jaħsbu li dawn qed jgħixu ħajja aktar kuntenta minn tagħhom. Din hi impressjoni li s-soċjeta’ iddaħħal f’moħħna sal-punt li ħafna nies iqattgħu ħajjithom kollha jistinkaw għall-flus milli għall-kuntentizza. Ir-rgħiba għall-flus – dan hu difett ewlieni fis-soċjeta’ li qed ngħixu fiha.
Hawn nies li jqattgħu ħajjithom jonfqu l-flus, li m’għandhomx, minħabba l-fatt li oġġett se jġibilhom aktar sodisfazzjon. Huwa ċiklu perikoluż li tara lil ħaddieħor b’xi ħaġa u taħseb li trid l-istess ħaġa biex tkun kuntent jew biex tkun bħalhom.
Is-soċjeta’ tagħna hi kontinwament tibbumbardjana biex nixtru aktar minn dak u iżjed minn l-ieħor, għax ngħixu f’soċjeta’ li tiffunzjona biss jekk in-nies jonfqu l-ħin kollu. Imma naħseb li jekk kull persuna taħseb dwar dak li verament teħtieġ fil-ħajja, dan iċ-ċiklu jista’ jieqaf.
Is-soċjeta’ trid li n-nies jistinkaw biex jistagħnew iżjed meta, fil-verita’, l-inugwaljanza fil-ġid hi ħafna estrema milli jirrealizzaw in-nies. Allura, xi wħud qed jistinkaw biex ikunu f’pożizzjoni li hi verament impossibbli jkunu fiha. Mhux qed ngħid li hu ħażin li jkollok affarijiet sbieħ, imma jekk dawn huma l-prijoritajiet tiegħek, naħseb li huwa l-waqt li tirrifletti mill-ġdid. Is-soċjeta’ tagħna aktar tagħti valur lil flusna u lill-materjaliżmu milli lill-kisbiet jew lin-nies. Il-kisbiet tagħna huma mkejla b’dak li għandna. Imma għaliex? Jekk din l-enerġija kollha tkun iffokata fuq li nagħmlu dinja aħjar, ma nistax nimmaġina x’tip ta’ dinja paċifika nistgħu ngħixu fiha.
Sfortunatament, il-bniedem dejjem jibqa’ jiġri wara l-flus u l-poter, u jekk xi wħud għandhom dan kollu jagħmlu minn kollox biex iżommuh jew jaraw x’jagħmlu biex ikollhom aktar. Il-bnedmin ġew maħluqa biex jinħabbu. L-affarijiet inħolqu biex jintużaw. Ir-raġuni għaliex is-soċjeta’ li ngħixu fiha tinsab fil-kaos u t-taħwid hi għaliex qed inħobbu l-affarijiet li nikkunsmaw filwaqt li n-nies qed jiġu wżati.
L-affarijiet huma sostitwibbli; in-nies mhumiex. Jien mhux se ngħidlek eżattament x’inhuma l-aħjar affarijiet fil-ħajja. Iddeċiedi inti!