Schengen: regoli ġodda għal verifiki temporanji mal-fruntieri nazzjonali
Verifiki mal-fruntieri interni fi ħdan iz-zona Schengen se jkunu limitati għal massimu ta’ sena waħda, minflok dik preżenti ta’ sentejn. Dan kien maqbul mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili.
Il-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, li bħalissa għaddej minn reviżjoni, jippermetti lill-istati membri biex temporanjament jagħmlu l-verifiki mal-fruntieri taz-zona Schengen, f’każ ta’ theddida serja lill-ordni pubblika jew lis-sigurta’ interna.
Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili jaqbel li:
- Il-perijodu inizjali għal verifiki mal-fruntieri għal avvenimenti fil-futur għandhom ikunu limitati għal xahrejn, minflok il-perijodi attwali ta’ sitt xhur, u
- Il-verifiki mal-fruntieri ma jistgħux jiġu estiżi lil hinn minn sena, u b’hekk inaqqsu l-limitu massimu ta’ sentejn.
L-Ewro Parlamentari fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili wkoll saħqu li hekk kif il-moviment ħieles tal-persuni hu milqut minn verifiki temporanji mal-fruntieri, dawn għandhom ikunu wżati biss f’ċirkostanżi eċċezzjonali u bħala miżura tal-aħħar għażla.
Salvagwardji ġodda għal estensjonijiet
Il-pajjiżi Ewropej għandhom jipprovdu valutazzjoni tar-riskju dettaljat jekk il-verifiki temporanji mal-fruntieri jkunu estiżi aktar mill-ewwel xahrejn. Din il-valutazzjoni għandha tispjega għaliex il-miżuri alternattivi wrew li huma insuffiċjenti u kif il-verifiki mal-fruntieri għandhom jgħinu biex jindirizzaw it-theddida identifikata. Il-pajjiżi ġirien fl-UE li huma affettwati mill-possibbilta’ ta’ verifiki mal-fruntieri għandhom ikunu involuti fil-valutazzjoni tar-riskju.
Barra minn hekk, kull estensjoni sussegwenti ta’ verifiki mal-fruntieri li jsiru wara sitt xhur tkun teħtieġ opinjoni mill-Kummissjoni u għandha tkun awtorizzata mill-Kunsill tal-Ministri. L-Ewro Parlamentari wkoll iridu li l-Parlament ikun iżjed informat u involut fil-proċess.