L-Att dwar l-Aċċessibbilta’ Ewropea
Intlaħaq ftehim proviżorju bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-proposta għal Att dwar l-Aċċessibbilta’ Ewropea. L-iskop prinċipali tiegħu hu li jsaħħaħ il-funzjoni tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli billi jitneħħew l-ostakli maħluqa minn ċertu liġijiet u regolamenti. L-Att jinkludi benefiċċji kemm għan-negozji, u għal persuni bi bżonnijiet speċjali.
In-negozji se jibbenefikaw minn kummerċ aktar faċli minn fruntiera għal oħra u aktar opportunitajiet ta’ marketing biex il-prodotti u s-servizzi jkunu aktar aċċessibbli. Sadattant, persuni b’diżabbilta’ se jgawdu minn sehem akbar ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fis-suq, bi prezzijiet kompetittivi. L-Att ukoll iħares lejn it-tnaqqis tal-ostakli relatat mal-aċċessibbilta’ edukattiv u s-suq miftuħ tax-xogħol.
Bħalissa, hemm aktar minn 80 miljun persuna fl-UE bi bżonnijiet speċjali. Aċċessibbilta’ effettiva hi neċessarja biex ikun assigurat li kulħadd jista’ jkollu rwol attiv fis-soċjeta’, u wkoll tikkontribwixxi sabiex ikun assigurat tkabbir serju, sostenibbli u inklussiv.
L-Att dwar l-Aċċessibbilta’ Ewropea wkoll jaħseb biex jassigura li l-leġislazzjoni Ewropea kollha li hi kurrenti tkun pari passu mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilta’.