Il-UĦM tiffirma bi protesta ftehim settorali ġdid għall-carers fil-qasam tas-Saħħa
Il-UĦM Voice of the Workers iffirmat, bi protesta u mingħajr preġudizzju, ftehim kollettiv għall-ħaddiema fil-caring li jaħdmu fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex.
Il-ftehim jinvolvi l-gradi tan-Nursing Aide, Health Assistant, Senior Care Worker, Care Worker u Assistant Care Worker li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku.
B’dan il-ftehim, saret dik li jgħidulha career stream. Dan għax qabel kien hemm over-lapping tad-dmirijiet minn gradi differenti bi ħlasijiet differenti meta l-maġġoranza tal-ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol matul il-ġurnata. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema fil-gradi msemmija issa se jkunu fi stream waħda u llkoll jitilgħu f’diversi skali wara numru ta’ snin ta’ servizz. B’dan il-ftehim, il-ħaddiema se jkunu qed jingħataw skali u progressions kull tliet snin. Dawn il-progressions jibdew minn Skala 17 u jibqgħu telgħin ‘il fuq sa Skala 13, u skala 12 għal dawk li huma Nursing Aides.
Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, spjega s-saga wara dan il-ftehim. Hu stqarr li din il-union kienet ilha xhur twal għaddejja bin-negozjati għall-ħaddiema fil-caring fis-settur tas-Saħħa, tant li kien hemm numru ta’ skossi matul il-proċess. Il-union kienet se tasal għall-ftehim iżda wara li kienet irċeviet abbozz tiegħu kienet bidlet partijiet mid-dokument għax ħasset li kellhom jiġu indirizzati numru ta’ punti.
Fl-abbozz ta’ ftehim, il-UĦM Voice of the Workers osservat ukoll diversi żballji fit-tfassil tad-dokument (li ma kinux intenzjonati) u ħasset li dawn għandhom ikunu rranġati.
Mario Sacco fisser li wara li kienet bagħtet il-kontro-proposti tagħha l-union irċeviet, permezz ta’ email, invit b’dokument (li kien l-istess wieħed li ntbagħat qabel) sabiex tiffirmah fl-24 ta’ Awwissu 2018
Il-UĦM kellha diversi għażliet x’tagħmel: jew ma tiffirmax biex tibqa’ tinsisti fuq dawk il-punti li hi tħoss li għandhom jiġu indirizzati; jew tmur tiffirma u l-punti pendenti jintesew; jew inkella, apparti l-firma, tikteb dak li tħoss fuq id-dokument bl-iskop li l-proċess ikun jista’ jissokta aktar ‘il quddiem. Il-UĦM għażlet tal-aħħar u dan b’differenza għall-firmatarja tad-dokument, jiġifieri l-
General Workers’ Union (GWU) li qabdet u ffirmat. Għall-UĦM, b’dak li għamlet, il-kapitlu ta’ dan il-ftehim għadu ma ngħalaqx.
Mario Sacco qal li l-UĦM ma kkonkludietx numru ta’ punti. Hu spjega li fis-settur tas-Saħħa għaddejjin negozjati ma’ setturi oħrajn, bħalma huma tal-infermieri, u qed tisma’ talbiet jew verżjonijiet min-naħa tal-Gvern dwar skema ta’ irtirar kmieni. Il-UĦM Voice of the Workers iffirmat iżda għamlet dan mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe qbil li jista’ jkun hemm dwar skemi ta’ irtirar kmieni. Mario Sacco fisser li jekk xi darba din l-iskema sseħħ, il-UĦM qed twassal messaġġ lill-Gvern li jekk l-inizjattiva tiskatta, il-union se tkun qed tagħmel pressjoni biex din l-iskema wkoll tingħata lil dawn il-ħaddiema.
Mario Sacco irrefera għal żewġ punti oħrajn li kienu under protest. Hu stqarr li hemm grad wieħed li jitla’ sa Skala 12 meta l-oħrajn jitilgħu sa Skala 13. Il-UĦM tħoss li għandu jkun hemm mod (permezz ta’ taħriġ addizzjonali) kif kull grad jitla’ sa Skala 12. Barra minn hekk, peress li l-ftehim beda jgħodd mis-27 ta’ Awwissu, din il-union tħoss li kellu jkun hemm formula kif jiġi magħdud ż-żmien ta’ servizz li diġa’ nħadem ma’ dak li hu llum.
Dan il-ftehim settorali se jkun qed isaħħaħ karriera għal min hu fil-caring stream. Iżda lkoll nafu li s-Servizzi tas-Saħħa provduti mill-Gvern jikru servizzi mingħand il-privat sabiex in-numru ta’ ħaddiema jiżdied.
F’dan l-istadju, il-UĦM Voice of the Workers tistaqsi dwar il-kunċett ta’ l-istess ħlas għall-istess xogħol li jsir. Dawk li huma fuq kuntratt mal-Privat, se jingħataw l-istess ħlas u l-istess arranġamenti kif inhu meqjus fil-ftehim li ġie ffirmat fl-24 ta’ Awwissu?