Naħdmu biex ngħixu jew ngħixu biex naħdmu?
L-istudji qed juru li ħafna ħaddiema qed jonqsu milli jagħmlu użu mil-leave li huma intitolati għalih kull sena. Ma taħsbux li hi ġennata li qed naħsbu wisq fix-xogħol meta m’għandniex bżonn li nkunu dejjem hemm?
Mumenti fejn suppost qegħdin il-baħar, mixħutin ixxamplati fuq xi xtajta jew imsefrin naraw id-dinja. Iżda xi wħud minna, minflok, qed jagħżlu li jibqgħu x-xogħol u forsi ‘jivjaġġaw’ minn skrivanija għal oħra, aljenati fil-karti u fin-notamenti.
F’din id-dinja kaotika, fejn kollox qed isir b’mod mgħaġġel, ħafna ħaddiema qed ikunu mifnija bix-xogħol tant li jagħmlu aktar minn oġġett wieħed f’daqqa. Imma stenna ftit? Qabel ma tingħata t-titlu ta’ ‘qaddis’ u ħaddiem tas-sena, staqsi lilek innifsek: kemm-il biċċa xogħol żejda għandek miftuħa fuq il-kompjuter tiegħek bħalissa?
Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nieqfu mir-rutina tax-xogħol ta’ kuljum u, f’ġieħ l-istat mentali tagħna, inqattgħu aktar ħin mal-familja jew mal-ħbieb. Żmien fejn ngħixu l-mumenti mal-għeżież tagħna u mhux nwieġbu l-emails meta suppost avżajna li ninsabu indisposti.
Għax il-ħajja, ħbieb, hi dwar dawk il-mumenti. Mumenti li jekk jintilfu ma ġġibhomx lura. Ma nistgħux nagħmlu rewind; fil-ħajja m’hemmx DVD li permezz tiegħu tmur lura għall-mument li tlift. Staqsi lilek innifsek: kemm il-btala kont se tieħu u ma ħadtx? Kemm il-ġranet leave kont se tieħu u minflok dħalt għax-xogħol? Forsi għidt lilek innifsek, “u iva, darb’oħra nagħmel mezz biex naqta’!”. Imma dejjem jgħarralek!
Il-ħajja tgħallimna li kulma jista’ jkollna hu l-preżent, il-mument ta’ issa. Fil-Latin, tingħad l-espressjoni popolari, Carpe Diem, jiġifieri “Aħtaf il-mument”.
Ħa nkun ċar. Mhux qed ngħid li għandna nitilqu mix-xogħol imma xi tgħidu jekk naħsbu fuq dawk il-passi żgħar. Waqfiet żgħar mit-tensjoni tax-xogħol, b’ebda tfixkil. Iż-żmien nqattgħuh biss mal-familja u mhux mal-kollegi tax-xogħol. Nibdlu l-iscreensavers b’xi xenarji sbieħ kollha lwien ‘il bogħod mill-post tax-xogħol.
L-aktar oġġetti prezzjużi li għandna fil-ħajja huma l-mumenti. Ejja nisfruttawhom qabel ma jkun tard wisq u jisparixxu; ejja niskopru d-dinja meta llum ninsabu b’saħħitna għax, meta ħajjitna tkun waslet biex tintemm, ma jkun ifisser xejn kemm għamilna flus, jew kemm sigħat ħdimna jew dawk il-waqtiet fejn konna qisna l-impjegati tax-xahar.
Jeħtieġ li nħarsu lura u naraw x’memorji għamilna, is-sigħat li qattajna mal-għeżież tagħna, fejn konna missirijiet u ommijiet eżemplari u tar-rispett jew il-ħbieb tal-qalb għal dejjem.
Il-btajjel għandhom ikunu żmien fejn nitfu s-swiċċ tax-xogħol u nixegħlu s-swiċċ tal-familja. Minn issa ‘l quddiem ejja nagħmlu mezz li nieqfu u nieħdu vaganza sħiħa fejn inkunu preżenti biex noħolqu l-mumenti li jdumu għal dejjem.