Sejħa ġdida għall-finanzjar, li tolqot lit-trade unions u lill-għaqdiet ta’ min iħaddem, tnediet mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-programm Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (EaSi) li hu mmirat biex jappoġġja d-djalogu soċjali. 

Il-EaSi   tgħin lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex isaħħu l-policies fuq tliet oqsma tematiċi: ix-xogħol,  il-ħarsien soċjali, l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-faqar u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

L-għotja finanzjarja tal-UE mitluba għandha tkun bejn  il-€150,000 u s-€650,000. 

Taħt din is-sejħa għall-proposti, l-għotja finanzjarja tal-UE ma tistax teċċedi d-90  fil-mija tal-ispejjeż totali eliġibbli. 

Sabiex wieħed ikun  eliġibbli, proġett irid jinkludi applikant ewlieni u mill-inqas ko-applikant wieħed. L-applikant ewlieni jrid ikun sieħeb soċjali fuq livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali. Il-ko-applikanti jistgħu jkunu mseħbin soċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, universitajiet u istituti ta’ riċerka, awtoritajiet pubbliċi jew għaqdiet internazzjonali. Jekk is-sieħeb soċjali li jirrappreżenta lill-ħaddiema hu l-applikant ewlieni, il-ko-applikant mandatorju jrid ikun sieħeb soċjali li jirrappreżenta lil min iħaddem. 

Jekk tixtieq l-għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoni għall-finanzjar Ewropew, tista’ tagħmel  appuntament mat-tim tal-finanzjar Ewropew  mal-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew billi ċċempel fuq 22003300. 

Id-data tal-għeluq għal din  is-sejħa hi  l-25 ta’  Settembru 2018.