Ġar tiegħi dejjem jistaqsini…Imma għaliex? Għaliex qed tara lil dawn l-irġiel għarqanin jiġru wara ballun? Qatt ma fehem u ma qatt mhu se jifhem. 

Madankollu, jattira biljuni ta’ telespettaturi minn madwar id-dinja kollha u qatt ma tkun tedjanti. L-eċċitament, ir-rabja u l-mibegħda, il-qlajjiet, ir-rivalitajiet, ir-rebħiet. 

Nistħajlek diġa’ taf  fuq x’hiex qed nitkellem: appuntu – il-futboll. 

Hu sport dinji u ebda sport ieħor ma jgawdi l-passjoni li l-pajjiżi tad-dinja għandhom għalih. Iva, għalkemm il-ġar tiegħi mhux entużjast, xorta jkun xi ftit jew wisq eċċitat meta jkun hemm partiti li jqanqlu t-tensjoni (tgħidx kemm qlajt botti u inkejja mingħandu għax it-tim li nappoġġja, il-Ġermanja, ġie umiljat u skwalifikat!). M’hemm ebda avveniment sportiv  ieħor li jista’ jagħti tant  emozzjonijiet lil kull telespettatur. 

Ninsabu fl-istadju tas-semi finali u dalwaqt noqorbu lejn it-tmiem ta’ dan il-kampjonat. Rajna ħafna sorpriżi u timijiet kbar bħal il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall u l-Arġentina jinqalgħu minn timijiet li lanqas biss konna noħolmu li se jagħmlu dan. Min jaf min se jirbaħha din  l-edizzjoni? 

Imma x’emozzjonijiet iqanqal dan il-kampjonat? Hu sempliċiment aktar minn kwalunkwe sport. Għal ħafna nies hu stil ta’ ħajja, espressjoni kulturali, jagħmilhom kburin b’pajjiżjom jew ferħanin se jtiru bil-pajjiż li jappoġġjaw. Dan il-kampjonat tant jilħaq livell profond li kull min iħobb il-futboll jifhem lil xulxin. 

U x’emozzjonijiet qed jitqanqlu jew jiġu jesperjenzati matul il-logħob? F’temp ta’ ftit minuti, qed nesperjenzaw ir-rabja, id-dispjaċir, il-biża’ u t-tama b’tensjoni li tikber biss aktar ma l-partita bejn żewġ timijiet favoriti tkun akkanita. Il-partiti qed jintemmu b’ħafna biki jew b’ferħ kbir.  

Hu biss dan il-vjaġġ emozzjonali u l-popolarita’ li jgħin lill-futboll biex jikber dejjem iżjed. Matul dan iż-żmien jinħolqu ħbiberiji ġodda. L-iskambju  tal-emozzjonijiet, it-tlugħ u l-inżul ma’ persuni tal-istess fehma. 

Barra minn hekk, il-kampjonat tat-Tazza tad-Dinja qed jagħti opportunita’ lill-plejers biex jibbrillaw u juru l-kapaċitajiet fil-grawnd quddiem biljuni ta’ telespettaturi. Aktar importanti minn hekk, qed jesebixxi t-talenti tagħhom quddiem għajnejn il-managers ta’ klabbs  Ewropej. Ħafna plejers (li din it-Tazza tad-Dinja hi l-ewwel darba tagħhom) għamlu jew qed  jagħmlu minn kollox biex jimpressjonaw, forsi jispiċċaw jiffirmaw kuntratt ma’ wieħed mid-diversi klabbs prestiġjużi fl-Ewropa. 

Il-kampjonat  tat-Tazza tad-Dinja hu avveniment fejn plejers kbar qed jitwieldu u fejn għad nisimgħu dwarhom fl-istorja tal-futboll. Hu avveniment fejn il-pajjiżi jingħaqdu u jwarrbu d-differenzi, fejn in-nies juru qalbhom u rispett lejn xulxin. Għal ħafna, it-Tazza tad-Dinja hi personali u li tispira. Għalhekk it-Tazza tad-Dinja hi importanti.