Is-soċjeta’ tal-lum teħtieġ Samaritani tajbin
Fil-Parlament, nhar il-Erbgħa li għadda, beda dibattitu dwar l-Att tas-Samaritan it-Tajjeb – abbozz ta’ liġi xprunat mill-Oppożizzjoni sabiex min jgħin lill-proxxmu f’każ ta’ xi inċident ikun protett kontra prosekuzzjoni ċivili jew kriminali.
L-iskop ta’ dan il-Private Member’s Bill hu ġenwin fil-kunċett tiegħu għax in-nies, xi kultant, joqgħdu lura milli jassistu lil persuni fil-bżonn tal-Ewwel Għajnuna għax jibżgħu li se jagħmlu id-deni flok il-ġid, bil-possibbilta’ li jispiċċaw il-Qorti minkejja l-intenzjonijiet nobbli tagħhom.
Voice of the Workers jieħu spunt minn dan l-Abbozz ta’ Liġi biex jirreferi għall-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u l-importanza tagħha fis-soċjeta’ tal-lum. Din il-parabbola mhix biss passaġġ biex nirriflettu fuqu, imma hu għażla konkreta li nagħmlu meta niddeċiedu kif għandna ngħixu u nittrattaw ma’ persuni li ma nafuhomx.
Is-Samaritan it-Tajjeb jindika stil ta’ ħajja, li ċ-ċentru tiegħu mhux aħna nfusna, imma ħaddieħor, bid-diffikultajiet tagħhom, li niltaqgħu magħhom fi triqitna u li jisfidawna.
Hi l-għażla tagħna jekk immorrux għal dan l-istil ta’ ħajja jew jekk nirrifjutawhiex. Dan għax l-attitudni tas-Samaritan it-Tajjeb teżamina l-fidi tagħna, għax kif qal il-Papa Franġisku, “il-fidi, mingħajr l-għemejjel, hi mejta”. Hu permezz tal-għemejjel it-tajba, li jsiru b’imħabba u b’kuntentizza lejn il-proxxmu, li jġiegħlu lill-fidi tagħna tikber u tagħmel il-frott.
Xi kultant, kulma għandna bżonn hu ġest sabiħ biex ibiddillek il-ġurnata. Ġest sempliċi ta’ ġenerożita’ minn stranġier jista’ jagħmel il-mirakli ma’ min għandu bżonn.
Li tkun Samaritan it-Tajjeb, illum ifisser li tagħti mingħajr ma tistenna xi ħaġa lura ma’ xi ħadd li jsib ruħu fl-għawġ. Jista’ jkun ġest li ħadd ma jinduna bih jew inkella ġest kbir għal xi ħadd li verament għandu bżonnu.
Ma tridx tkun xi eroj li naraw fuq it-televiżjoni jew tkun xi Gandhi ieħor biex tkun Samaritan it-Tajjeb. L-unika kwalifika hi biss, li għal mument wieħed, tidħol f’qoxortok u turi empatija ma’ ħaddieħor li saħansitra ma tafux. Meta naraw lil xi ħadd itturufnat, mgħakkes jew imweġġa’ fiżikament, ejjew ma nkunux insara tal-isem imma nsara ta’ veru u nagħmlu karita’ ma’ min qed iġarrab. Ma ndawrux wiċċna. Is-soċjeta’ li qed ngħixu fiha, illum aktar minn qatt qabel, teħtieġ Samaritani tajbin.