Il-Garanzija taż-Żgħażagħ qed tikkontribwixxi għal qgħad aktar baxx
Tagħrif miġbur dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ wera tnaqqis qawwi fil-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-UE sa mill-2014. Dan it-tagħrif jinġabar mill-Kumitat dwar ix-Xogħol fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Ħames snin wara l-introduzzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tjiebet b’mod sinifikanti. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas minn 24 fil-mija fl-2013 sa inqas minn 16 fil-mija fi tmiem is-sena li għaddiet.
Is-sitwazzjonijjet preżenti taż-żgħażagħ li għaddew mill-Garanzija taż-Żgħażagħ ukoll huma inkoraġġanti. Fil-fatt, kważi nofs il-parteċipanti għadhom fl-impjieg, fis-sistema edukattiva jew qed jitħarrġu – sitt xhur wara li temmew l-iskemi tal-Garanzija taż-Żgħażagħ.
Il-Garanzija taż-Żgħażagħ kienet suċċess, partikularment, f’Malta, fejn ir-rata tal-qgħad fl-aħħar tal-2017 kienet biss ta’ erbgħa fil-mija. Il-Kumitat dwar ix-Xogħol ukoll innota li Malta qed tikseb progress fl-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, kif ukoll qed tagħmel progress konsiderevoli biex tilħaq u tnaqqas in-numru ta’ persuni li mhumiex qed jaħdmu, li mhumiex fis-sistema edukattiva jew li mhumiex qed jitħarrġu.