Il-pandemija tal-Covid-19 u ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja taw daqqa qawwija lill-familji bi dħul baxx li qed ikollhom jirrikorru aktar minn qatt qabel għas-servizzi pprovduti mill-Malta Food Bank Foundation (MFBF). Huwa għalhekk li l-Fondazzjoni qed tappella għall-appoġġ pubbliku sabiex tlaħħaq mad-domanda.

Voice of the Workers Weekly tkellmet mal-fundatriċi Irene Schembri dwar ix-xogħol li ilhom jagħmlu għal dawn l-aħħar għaxar snin fil-ġlieda kontra l-faqar.

Imwaqqfa fl-2011, din l-entità hija affiljata mal-Federazzjoni Ewropea tal-Foodbanks (FEBA). “Il-Malta Food Bank Foundation tmexxi b’mod differenti minn kull organizzazzjoni oħra f’Malta. L-operat tagħha huwa uniku peress li ma tqassamx ikel lill-individwi,” spjegat Schembri.

“L-NGOs kuntenti jirċievu ikel mill-MFBF u jqassmuh lill-membri tagħhom li diġà jafu tajjeb, skont il-ħtieġa,” żiedet tgħid.

L-MFBF ma tixtrix ikel sakemm ma tirċevix flus b’talba speċifika għal dan l-iskop. Barra minn hekk, lanqas ma tbigħ ikel u topera permezz tal-imsieħba tagħha li huma organizzazzjonijiet tal-karità reġistrati u stabbiliti, li japplikaw u jiffirmaw ftehim mal-MFBF.

Aktar minn 3,500 jitolbu l-għajnuna

Fil-bidu kien hemm 15-il Għaqda ta’ Karità li wrew interess li jaġixxu bħala sħab tal-Fondazzjoni u talbu li jirċievu l-ikel. Fl-aħħar mill-aħħar, li jgħodd hu in-numru ta’ nies li jibbenefikaw minn dan is-servizz.

“Id-domanda attwali taqbeż it-3,500 persuna. Sfortunatament, m’għandniex ikel biex naqdu lil kulħadd.”

L-ewwel u l-akbar sfida li kellha tiffaċċja l-Fondazzjoni kienet li jkun hemm maħżen adegwat fejn jinżamm l-ikel. Minkejja l-wegħdi li saru mill-awtoritajiet kellha tkun l-Arċidjoċesi ta’ Malta biex provdiet maħżen f’Fra Diego fil-Ħamrun minn fejn l-MFBF bdiet topera.

“Il-Fondazzjoni immexxija bħal foodbanks oħra fl-Ewropa (aktar minn 300 foodbank) li huma membri tal-FEBA. Aħna mħarrġa mill-FEBA u qegħdin kontinwament f’kuntatt mal-FEBA fil-livelli differenti kollha. Nattendu għal diversi laqgħat matul is-sena, kemm fiżiċi kif ukoll minn Covid-19, virtwali. B’hekk inżommu kuntatt mal-kollegi tagħna hemmhekk u nitgħallmu permezz tal-aħjar prattiki tagħhom u kif imexxu l-attivitajiet tagħhom.”

Iż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed tniggeż fil-laħam il-ħaj

Minkejja l-isforzi kollha li saru, sfortunatament il-faqar għadu qed jiżdied. Il-Covid-19 ħalla impatt negattiv u l-prospetti mhumiex daqshekk sbieħ.

“Dan qed ikompli jżid il-piż fuq il-familji u individwi li ntlaqtu. Sfortunatament, hu fatt magħruf li l-għoli tal-ħajja qed jiżdied hekk kif ilkoll qed naraw il-prezzijiet tal-ikel jogħlew ħafna”

Il-Fondazzjoni taħdem biex takkwista ikel li għal xi raġuni ikun se jintrema minkejja

li jkun perfettament sigur biex jittiekel.

“Hi ħasra li Malta m’għandhiex miżuri leġiżlattivi, bħal Franza, li jiffrankaw ikel tajjeb għall-konsum milli jintrema. L-MFBF tħoss li f’pajjiżna m’hemmx biżżejjed għarfien dwar it-tikketti tal-ikel u d-differenza bejn ‘Best Before’ u ‘Use By. Nies fil-bżonn mhux qed jaċċettaw ikel imqassam lilhom jekk it-tikketta turi li d-data skorriet il-‘Best Before’ meta dan l-ikel jibqa’ jittiekel perfettament anki diversi xhur wara.

Il-Best Before hi dwar il-kwalità tal-ikel, filwaqt li l-Use By hi dwar is-sikurezza. Wieħed m’għandux jiekol ikel wara li tiskorri l-Use By, iżda jista’ jiekol ikel wara li skorriet il-Best Before jekk jidher, jinxtamm u għandu togħma tajba.

Il-Fondazzjoni tilqa’ l-isforzi kollha li qed isiru fuq din il-kwistjoni mill-Kummissjoni Ewropea speċjalment l-adattament riċenti li sar dwar il-Linji Gwida tal-UE dwar id-donazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel.

Kif tista’ tgħin?

Id-domanda għall-ikel hija ogħla mill-provvista. Allura kif jistgħu jgħinu n-nies?

“Ikun apprezzat ħafna jekk ikun organizzat ġbir ta’ ikel minn żmien għal żmien mill-istaff u l-impjegati fuq il-post tax-xogħol u jingħata lill-Fondazzjoni. L-ikel hu meħtieġ is-sena kollha u mhux biss fi żmien il-festi. L-ikel huwa l-aktar dritt bażiku fundamentali tal-bniedem.”

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru b’ċekk pagabbli lill-Malta Food Bank Foundation u jintbagħtu lil c/o Malta Food Bank Foundation, 11 Mannarino Road, Birkirkara BKR 9080. Min hu interessat jista’ wkoll jgħin bħala voluntier. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb bl-email fuq irene.schembri@maltafoodbank.org, bit-telefon fuq 7905 2888 jew fuq eurofoodbank.org.

Bħala membru tal-FEBA, il-Fondazzjoni hi ggwidata mir-regolamenti tal-KE dwar l-aspetti kollha mid-donazzjonijiet sad-distribuzzjoni.