F’riżoluzzjoni il-Parlament jistieden lill-UE biex tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa fil-qrati u l-proċedimenti internazzjonali biex tappoġġa l-prosekuzzjoni tar-reġimi Russi u Belarussi għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, ġenoċidju u aggressjoni. Dawn l-investigazzjonijiet, u l-prosekuzzjonijiet li jirriżultaw minnhom, għandhom japplikaw ukoll għall-persunal kollu tal-forzi armati Russi u għall-uffiċjali tal-gvern involuti f’delitti tal-gwerra, jgħidu l-MPE.

Ir-riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-Ukrajna ġiet adottata b’turija tal-idejn.


Tribunal internazzjonali speċjali

It-test adottat jitlob lill-UE tappoġġa l-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali speċjali biex jikkastiga r-reati ta’ aggressjoni mwettqa kontra l-Ukrajna, li għalih il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni, u żżomm responsabbli l-mexxejja politiċi u l-kmandanti militari Russi u dawk tal-alleati tagħha. Il-MPE jridu wkoll li l-UE tipprovdi, malajr kemm jista’ jkun, ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa u l-appoġġ amministrattiv, investigattiv u loġistiku meħtieġ biex jiġi stabbilit dan it-tribunal.

Skont il-PE, l-atroċitajiet irrappurtati bħall-bumbardamenti indiskriminati ta’ bliet u rħula, id-deportazzjonijiet furzati, l-użu ta’ munizzjon ipprojbit, l-attakki kontra persuni ċivili li kienu qed jaħarbu permezz ta’ kurituri umanitarji miftiehma minn qabel, l-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali jammontaw għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Huma jistgħu jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra, jgħidu l-MPE, filwaqt li jenfasizzaw li s’issa dawn id-delitti għadhom ma ġewx prosegwiti.

Azzjoni rapida

Il-MPE jenfasizzaw li l-UE għandha tieħu azzjoni malajr, peress li hemm riskju serju li, minħabba l-ostilitajiet li għaddejjin bħalissa, l-evidenza relatata mad-delitti tal-gwerra qed tinqered. Huma jesprimu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-investigazzjoni mill- Prosekutur tal-QKI u l-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet tal-Ukrajna li qed jaħdmu biex jiġbru l-evidenza.

Il-MPE jilqgħu t-tim investigattiv konġunt li qed jiġi stabbilit mil-Litwanja, il-Polonja u l-Ukrajna, li huwa kkoordinat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali Eurojust, u li fih se jipparteċipa l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, u jħeġġu lill-Istati Membri l-oħra jingħaqdu ma’ dan it-tim.