Fl-aħħar 15-il sena id-drittijiet tal-ħaddiema f’Malta iddgħajfu u dan wassal biex id-demokrazija industrijali marret lura tant li niżlet fir-raba’ post mill-qiegħ.

Din jirriżulta minn rapport tal-Eurofound li kejjel żviluppi kbar li jaffettwaw l-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja madwar il-blokk.

L-Eurofound tiddefinixxi t-terminu demokrazija industrijali bħala “id-drittijiet ta’ min iħaddem u l-impjegati li jipparteċipaw b’mod awtonomu u kollettiv fid-deċiżjoni li tiddefinixxi r-relazzjoni tax-xogħol”.

Jirriżulta li l-punteġġ ta’ Malta fl-indiċi tad-demokrazija industrijali kien ta’ 36, sitt punti biss fuq l-Ungerija li ġiet l-aħħar u ftit qabel il-Bulgarija, l-Estonja u l-Latvja. B’kuntrast il-pajjiżi Skandinavi kklassifikaw fl-ewwel postijiet bl-Iżvezja u d-Danimarka jiksbu 87 u 81 punt rispettivament.

Tali indiċi inħadem fuq tliet indikaturi – il-associational governance (is-saħħa organizzattiva tat-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u s-setgħa tagħhom li jinfluwenzaw il-politika ekonomika u soċjali), id-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Filwaqt li Malta kisbet punteġġ relattivament għoli fl-associational governance bi 63 punt (l-Iżvezja ġiet l-ewwel bi 80 u l-Ungerija l-aħħar bi 18), kellha prestazzjoni ħażina fil-qasam tad-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji fejn ġiet it-tielet mill-qiegħ, u fl-indiċi tad-drittijiet tal-ħaddiema spiċċat ta’ qabel tal-aħħar, pożizzjoni biss qabel il-Bulgarija.

F’dan ir-rigward, ir-rapport innota li Malta kienet fost dawk l-istati membri fejn id-demokrazija industrijali l-aktar li naqset mill-2008 – jiġifieri l-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovenja.

Min-naħa l-oħra l-Istati bl-aktar titjib kienu ċ-Ċekja, Franza, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja. Dan it-titjib kien attribwit għal involviment aktar qawwi fid-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji.

Dwar il-futur, il-prospetti għal titjib f’Malta jidhru pjuttost imċajpra peress li skont dan ir-rapport Malta tinsab fil-kategorija ta’ dawk il-pajjiżi fejn id-demokrazija industrijali qed titbiegħed mill-medja – is-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar maż-żmien. Barra Malta, l-uniku pajjiż ieħor f’din il-kategorija hu l-Ungerija.

Għalkemm ir-rapport ma jidħolx fir-raġunijiet li wasslu biex f’dawn l-aħħar 15-il sena f’Malta is-sitwazzjoni tmur lura, din it-tendenza ħabtet mal-influss ta’ eluf ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma prinċipalment impjegati f’xogħlijiet bi dħul baxx. Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema ftit li xejn huma imsieħba f’xi union u għalhekk ħafna drabi huma f’riskju għall-isfruttament. Is-setturi tal-kostruzzjoni, l-akkomodazzjoni, il-catering u d-divertiment huma fost dawk li qed jiddependu dejjem aktar fuq il-ħaddiema barranin.

Minn perspettiva usa’, ir-rapport jinnota li l-benefiċċji tal-fatt li l-qagħad niżel mhux qed jissarrfu f’titjib fil-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej kollha, minħabba ż-żieda kontinwa fl-għoli tal-ħajja. Bi qligħ mix-xogħol insuffiċjenti biex iżżomm il-pass mal-inflazzjoni, xi wħud huma sfurzati jabbandunaw l-affarijiet essenzjali. Dan qed iwassal ukoll biex ħafna, fosthom f’Malta mhux qed ikollhom il-mezzi li jixtri post.