Terz taż-żgħażagħ Maltin jixtiequ li ma twieldux Malta
Wieħed minn kull tliet żgħażagħ Maltin ta’ bejn is-16 u l-25 sena xtaqu li twieldu f’pajjiż ieħor, skont stħarriġ annwali. Din it-tendenza hija xhieda ulterjuri tas-sentiment dejjem jikber fost il-ġenerazzjoni l-ġdida li Malta toffri opportunitajiet limitati. L-istħarriġ sar mill-Uffiċċju tal-President bħala parti mill-konferenza l-Istat tan-Nazzjon.
Għalkemm tliet kwarti tal-popolazzjoni Maltija huma kuntenti li twieldu f’Malta, iċ-ċifra hija ferm inqas mir-rata rispettiva għall-2021 meta kienet ta’ 87.1%. Min-naħa l-oħra, dawk li jixtiequ jkunu twieldu f’pajjiż ieħor żdiedu minn 6.3% fl-2021 għal 18.5%. Il-bqija tal-popolazzjoni wieġbu li ma jafux.
Analiżi aktar profonda turi li l-akbar grupp ta’ dawk mhux kuntenti bl-eżistenza tagħhom f’Malta, huma żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena fejn 35% jħossuhom hekk. Dan huwa segwit mill-grupp lii għandhom minn 26 sa 35 sena fejn 25.3% jaqsmu l-istess fehmiet. L-inqas kategorija ta’ nies li xtaqu li ma twieldux f’Malta kienu l-anzjani ta’ aktar minn 66 sena.
L-analiżi saret mil-lat ġeografiku. L-akbar numru ta’ dawk li xtaqu li ma twieldux Malta nstab fit-tramuntana b’26.8% bl-inqas ikun f’Għawdex b’10.6%
Din ir-riċerka tikkonferma tħassib dwar il-kwalità tal-ħajja f’Malta u l-opportunitajiet ta’ karriera fil-kuntest taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni rreġistrata fl-aħħar għaxar snin. Din il-bidla demografika li kienet ir-riżultat tal-politika tal-gvern għat-tkabbir ekonomiku irriżultat f’iffullar ta’ postijiet pubbliċi, konġestjoni tat-traffiku, pressjoni kbira fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa u edukattiva tal-pajjiż u żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà.
L-istħarriġ jaqbel mas-sejbiet tar-riċerka tal-EY
Riċerka ppubblikata f’Ottubru tas-sena l-oħra minn EY ikkonkludiet li l-maġġoranza taż-żgħażagħ ta’ Malta – 60 fil-mija – kienu “mħassba ħafna” dwar l-inflazzjoni, bi kważi tliet kwarti jgħidu li jippreferu jgħixu barra minn Malta.
L-istħarriġ kien wera li l-aktar fatturi ta’ ansjetà għaż-żgħażagħ Maltin kienu pressjonijiet finanzjarji u tal-karriera. Sadanittant, dwar il-proprjetà, iż-żgħażagħ kellhom opinjonijiet differenti skont l-età. Filwaqt li kważi nofs dawk li huma iżgħar fl-età qalu li ma jħossux li se jkunu jistgħu jixtru proprjetà fil-futur, 49 fil-mija ta’ dawl li huma ftit ikbar fl-età u qabżu l-20 sena qalu li diġà kellhom proprjetà.
Kważi tliet kwarti taż-żgħażagħ Maltin qalu li l-akbar sfida kienet l-iżvilupp żejjed, tħassib li EY sab mar għall-agħar b’disa’ punti perċentwali mill-istħarriġ preċedenti li kien sar fl-2021.