Studenti bi problemi kbar fl-ortografija tal-Malti
Eżaminaturi tal-karti tal-eżami tas-SEC tennew it-twissija dwar il-livell baxx fl-ortografija tal-Malti tant li fil-maġġoranza assoluta tal-każi l-istudenti tilfu l-marki kollha allokati għaliha fil-komponiment. Lil hinn minn dan l-aspett, ħareġ ukoll li ħafna studenti ma kienux kapaċi jiktbu ittra jew email formali, u dan għandu implikazzjonijiet serji għad-dinja tax-xogħol.
Dawn it-twissijiet ħarġu fir-rapport annwali li jkun pubblikat mill-Bord tal-Eżamijiet tal-Matsec fl-Università ta’ Malta li janalizza l-prestazzjoni tal-istudenti f’kull suġġett, f’dan il-każ il-Malti fil-livell ordinarju. Jirrizulta li fl-2022, fis-sessjoni ewlenija (dik li ssir f’Mejju) għaddew 2,456 kandidat (ġabu grad minn 1 sa 5) minn fost 3,813, li hu ekwivalenti għal rata ta’ 64% fil-mija jew kważi żewġ terzi.
Fil-kummenti tagħhom l-eżaminaturi ġibdu l-attenzjoni li ċertu żbalji kienu qed jirrepetu ruħhom sena wara l-oħra, baqgħu isiru u ftit li xejn kien hemm titjib. Dan japplika l-aktar għall-ortografija fejn kien hemm ruxxmata żbalji tant li l-eżaminaturi irrimarkaw li l-maġġoranza l-kbira tal-kandidati tilfu l-marki kollha tal-ortografija allokati fil-komponiment. Ħareġ ukoll li ħafna studenti ma jafux jesprimu ruħhom tajjeb bil-Malti u ħafna drabi jaqilbu direttament mill-Ingliż bħal pereżempju:
- Għamilt ħażin ħafna fl-eżami (I did very badly in the exam)
- Morna għand iċ-ċinema (We went to the ċinema)
F’każijiet oħra kien hemm min saħansitra ivvinta kliem li ma jeżistix bħal pereżempju:
- Ġie unkonxju (He felt unconscious)
Fost affarijiet oħra l-eżami kienu jinkludi ittra jew email ta’ madwar 80 kelma. Filwaqt li kienu nnutati numru konsiderevoli ta’ żbalji fil-format tal-ittra, fosthom li tħalliet barra d-data, ħafna ma kienux kapaċi jesprimu l-idea u l-messaġġ li riedu jwasslu. Filfatt f’każ minnhom ittra li suppost kienet intenzjonata għal kantanta li kienet se tniedi album ġdid, inkitbet b’tali mod li l-kandidati spiċċaw jiddettawlha huma l-post u fejn kellha ssir il-laqgħa. Barra minn hekk ma naqsux żbalji ortogrtafiċi, grammatikali u nuqqas ta’ punteġġjatura.
Minn perspettiva iktar wiesgħa dan in-nuqqas hu ta’ tħassib għax jista’ jkollu impatt aktar ’il quddiem meta l-kandidati ma jibqgħux fuq il-bank tal-iskola imma jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Mhux l-ewwel darba li smajna b’ħaddiema li minkejja li għandhom il-kwalifiċi meħtieġa ma jkunux kapaċi jaqdu dmirijiet sempliċi fosthom li jibagħtu korrispondenza lill-awtoritajiet u li jagħmlu użu tajjeb tal-lingwa Maltija waqt xogħolhom.
Għalhekk hu importanti li t-tagħlim formali ta’ matul l-edukazzjoni obbligatorja jservi wkoll bħala tagħlim tul il-ħajja u mhux sempliċiment biex jinkisbu ċ-ċertifikati. Dan ma japplikax biss għall-Malti iżda għas-suġġetti l-oħra wkoll.