Statistika tal-NSO tindika li l-midja stampata għadha rilevanti
Minkejja li l-midja stampata jista’ jkun li qed tnaqqas fis-saħħa tagħha, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li fl-2022 in-nefqa privata fuq kotba, gazzetti u perjodiċi żdiedet b’10.6% u 2.4% rispettivament. Jirriżulta li s-sena li għaddiet in-nefqa privata fuq gazzetti u perjodiċi telgħet minn €6.67 miljun għal €6.83 miljun filwaqt li fil-każ tal-kotba ċ-ċifri rispettivi kienu minn €29.8 miljun għal €32.6 miljun. Ix-xejra ’l fuq kienet irreġistrata wkoll fuq materjal stampat ieħor li jinkludi katalgi u materjal ta’ reklamar; posters, kartolini, kalendarji u mapep. Skont l-NSO din il-kategorija rreġistrat żieda ta’ 16.8% għal nefqa totali ta’ €3.9 miljun.
Din l-istatistika tista’ tkun sorpriża għal xi wħid, peress li huwa sigriet miftuħ li fl-aħħar snin l-industrija tal-istampar iffaċċjat żmien iebes, wara l-miġja tal-internet sa iktar popolari mill-midja stampata speċjalment fost iż-żgħażagħ. Fil-fatt, iċ-ċirkolazzjoni tal-gazzetti naqset madwar id-dinja, inkluż f’Malta bil-kumpaniji l-kbar biss irnexxielhom jibqgħu joperaw għalkemm kellhom inaqqsu l-ħaddiema.
Il-libreriji pubbliċi jirpiljaw wara l-Covid-19
Is-sena l-oħra, kien hemm sinjali inkoraġġanti għal-libreriji pubbliċi bil-popolarità tagħhom tiżdied wara d-daqqa tal-pandemija tal-Covid-19 li wasslet biex dawn il-faċilitajiet jagħlqu għal diversi xhur. L-NSO qal li s-self totali tal-kotba kien ta’ 659,616, żieda ta’ 38,414, jew 6.2%, fuq is-sena ta’ qabel.
Meta mqabbla mal-2021 il-libreriji pubbliċi fid-distretti tal-Punent u tat-Tramuntana irreġistraw l-akbar żidiet fis-self tal-kotba, bir-rati ta’ 20% u 19.8% rispettivament. F’Għawdex, il-maġġoranza tas-self tal-kotba kien irreġistrat fil-librerija pubblika tar-Rabat (29,061) segwita mil-librerija pubblika tan-Nadur (17,193).
Il-libreriji reġjonali f’Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ kellhom il-biċċa l-kbira taż-żieda fis-self tal-kotba fost il-libreriji tad-distrett tal-Punent, tant li flimkien irrappreżentaw aktar minn nofs iż-żieda f’dan id-distrett.
Fid-distrett tat-Tramuntana, l-iktar popolari kienu l-libreriji pubbliċi tal-Mosta u tan-Naxxar bis-self rispettiv jammontaw għal 49.7% u 14.7% tat-total. Min naħa l-oħra, is-self ta’ kotba fil-libreriji pubbliċi tad-distrett tax-Xlokk naqas b’4.7 fil-mija
Fl-2022, kienu akkwistati 32,124 ktieb – tnaqqis ta’ 16.3% fuq l-2021. L-akbar tnaqqis kien irreġistrat fl-eBooks li naqsu b’77.4%, segwiti mid-donazzjonijiet tal-kotba bi tnaqqis ta’ 16.1%. Min-naħa l-oħra, ix-xiri tal-kotba ġodda żdied b’14.7% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-membri l-ġodda tal-libreriji pubbliċi, fl-2022, kienu ta’ 5,947, b’żieda ta’ 73.1% fuq l-2021. Bl-istess mod, in-numru ta’ persuni taħt it-18-il sena fost il-membri l-ġodda tela’ minn 52.1 għal 56.5%.