Kull min isegwi l-politika, jaf sew li anke l-aqwa mexxejja kultant ma jkollhom l-ebda għażla oħra ħlief li jagħmlu U-turn. Wara kollox, aħna bnedmin u suxxettibbli li niżbaljaw. Ħadd m’għandu d-don tal-infallibilità, ħlief għal partitarji fanatiċi li għalihom il-kap tal-partit igawdi status divin daqs li kieku kien xi alla.

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jmur lura mid-deċiżjoni li kien ħa meta kien irrifjuta li jiftaħ inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia, madankollu, ħalliet lill-gvern f’pożizzjoni imbarazzanti għall-aħħar. Ir-raġuni hija li ma tistax tagħmel U-turn spettakolari bħal dik waqt li tkun għaddej gas down għax għandek ċans qawwi li taħbat u titfarrak. F’dan il-każ id-deċiżjoni ġiet imdawra ftit jiem biss wara li l-gvern oppona bil-qawwa sejħa biex issir tali inkjesta, sal-punt li saħansitra vvota unanimament kontra tali proposta fil-parlament. Filwaqt li l-U-turn tal-gvern fl-aħħar mill-aħħar qanqlet reazzjoni pożittiva u ġiet imfaħħra bħala d-deċiżjoni t-tajba, iċ-ċirkostanzi li wasslu għal din il-bidla mil-lejl għan-nhar qanqlu aktar mistoqsijiet. S’issa, l-ispjegazzjoni li ta l-Prim Ministru ma kienet konvinċenti xejn, meta wieħed iqis l-oppożizzjoni qalila li kien għamel tant li din il-kwistjoni saret qisha xi kruċjata. Jew kien kas ta’ konverżjoni bħal dik ta’ San Pawl fi triqtu lejn Damasku jew inkella konvenjenza politika sforz il-kritika qawwija li baqgħet tiżdied anke minn ġewwa. Allegatament, il-Prim Ministru qal li l-ebda Deputat Laburista ma kien sfurzat isegwi l-linja tal-gvern meta tressqet għall-vot il-mozzjoni parlamentari għal inkjesta pubblika. Min-naħa l-oħra, qatt ma ntqal li dan kien vot ħieles. Konsegwentement, kull wieħed mid-39 deputat li appoġġja lill-Prim Ministru għandu jispjega l-vot tiegħu. Inkella, id-dubji li tqajmu wara l-U-turn tat-Tnejn se joħolqu aktar spekulazzjoni.

Fi Frar li għadda il-UHM Voice of the Workers kienet esprimiet l-approvazzjoni tagħha għal inkjesta pubblika bħala mezz biex tittejjeb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-industrija tal-kostruzzjoni. Madankollu jeħtieġ li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Sfortunatament,  kull meta din il-union ħadet inizjattiva biex isaħħaħ id-drittijiet tagħhom, ftit li xejn sabet appoġġ mill-ħaddiema infushom. Kull darba li sar attentat sibna ħajt ma’ wiċċna. Għalhekk huwa inġust, li tintefa’ l-ħtija fuq il-unions, kull meta l-kwistjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tkun fuq l-aġenda tal-pajjiż. Sakemm, ma nsibux modi u mezzi biex niffaċilitaw is-sħubija tal-ħaddiema f’unions, ftit li xejn ser jinbidel. Din hija opportunità biex il-gvern jikkunsidra bis-serjetà s-sħubija obbligatorja għal dawk li għandhom xogħlijiet b’paga baxxa… għall-inqas nibdew mis-settur tal-kostruzzjoni. Ma nistgħux nistennew U-turn spettakolari biex nieħdu azzjoni. Kif kien qal  il-Prim Ministru tar-Renju Unit Winston Churchill: Wieħed qatt m’għandu jagħti dahru lill-periklu u jipprova jaħarbu. Jekk tagħmel dan, tirdoppja l-periklu. Imma jekk tikkonfrontah fil-pront u mingħajr tlaqliq, tnaqqas il-periklu bin-nofs. Qatt m’għandek taħrab minn xi ħaġa. Qatt!