Soluzzjoni fit-tul għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna
Il-Parlament tejjeb u approva proposta għal faċilità ta’ €50 biljun biex tappoġġja l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-immodernizzar tal-Ukrajna mill-2024. Il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna ġiet adottata b’512 voti favur, 45 vot kontra u 63 astensjoni.
Adozzjoni urġenti meħtieġa skont ir-reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE
Il-Faċilità għall-Ukrajna tagħmel parti mir-reviżjoni attwali tal-baġit fit-tul tal-UE, li jeħtieġ li jsirulu aġġustamenti peress li tnaqqar bil-kbir minħabba d-diversi kriżijiet li seħħew mill-2021 ’l hawn. Il-MPE jinsistu li għandu jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibbli dwar il-Faċilità, flimkien mar-reviżjoni tal-baġit sħiħ, peress li ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal assistenza għall-Ukrajna mill-2024 ’il quddiem. Il-pakkett għandu wkoll jiġi integrat fil-baġit annwali tas-sena d-dieħla, li għandu jiġi negozjat f’Novembru.
L-użu tal-assi Russi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Waħda mit-talbiet ewlenin tal-MPE hija li l-assi mill-Federazzjoni Russa jew minn entitajiet jew individwi oħrajn b’konnessjoni diretta mal-gwerra ta’ aggressjoni Russa jintużaw għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Il-Parlament saħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet fl-użu tal-fondi tal-UE fl-Ukrajna. Il-MPE żiedu jgħidu li l-kumpaniji taħt influwenza tal-oligarki Russi m’għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament.
Aktar trasparenza u involviment aktar mill-qrib tal-Parlament
Il-MPE emendaw il-proposta anki biex jagħmlu l-Faċilità aktar trasparenti permezz tal-ħolqien ta’ portal dwar l-operazzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-Ukrajna u l-għanijiet tagħha, kif ukoll dwar l-“istadji importanti” li l-pajjiż ikun laħaq biex dan ikun jista’ jirċievi l-għajnuna. Huma jridu wkoll li l-kontribuzzjonijiet li jsiru minn pajjiżi terzi u minn organizzazzjonijiet internazzjonali jiġu pubblikati.
Il-pjan, li fih l-Ukrajna se tidentifika fid-dettall ir-riformi u l-investimenti li se jiġu appoġġjati mill-UE, għandu jiġi stabbilit bl-involviment tal-Parlament (permezz ta’ atti delegati) u konsultazzjoni effettiva tal-parlament Ukren. In-negozjati mal-Istati Membri jistgħu jibdew malli l-Kunsill jaqbel fuq pożizzjoni komuni.