Għaddew sitt snin mill-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dan l-anniversarju, niftakru mhux biss il-mod xokkanti tal-mewt tagħha, iżda wkoll l-ispirtu kuraġġuż u d-dedikazzjoni bla waqfien lejn il-verità li ddefinixxew ħajjitha. Il-legat ta’ Daphne iservi bħala tfakkira qawwija tal-importanza tal-ġurnaliżmu, il-libertà tal-kelma, u l-battalja kontinwa kontra l-korruzzjoni u l-inġustizzja.

Daphne Caruana Galizia kienet aktar minn sempliċi ġurnalista; kienet xempju tal-verità f’dinja fejn spiss jipprevali d-dlam. Kienet vuċi waħdiena iżda b’saħħitha kontra kultura ta’ impunità li kienet qed tiġi fomentata minn fuq. Ir-rappurtaġġ investigattiv tagħha kixef il-korruzzjoni fl-ogħla livelli ta’ poter, sfida l-istatus quo u żamm lil dawk fit-tmexxija responsabbli għal għemilhom. Permezz tal-ġurnaliżmu tagħha li ma kien iħares lejn wiċċ ħadd, saret vuċi għal dawk bla vuċi, kelliema għall-emarġinati, u simbolu ta’ tama għal soċjetà aħjar u aktar ġusta.

Il-mod kif Daphne ġiet imsikkta jgħid ħafna dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-ġurnalisti madwar id-dinja. Ġurnalisti bħalha, li ma jibżgħux jistaqsu mistoqsijiet diffiċli u jikxfu veritajiet skomdi, huma pilastri essenzjali tad-demokrazija. Huma jagħtu dawl fuq il-korruzzjoni, l-inġustizzja, u l-abbuż tal-poter, billi jipprovdu liċ-ċittadini bl-informazzjoni li jeħtieġu biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jżommu lill-mexxejja tagħhom kontabbli.

Fis-sitt snin mill-mewt tagħha, il-ġlieda għall-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia saret simbolu tal-ġlieda usa’ għal-libertà tal-istampa u l-protezzjoni tal-ġurnalisti madwar id-dinja. Hija battalja li titlob l-attenzjoni tagħna u azzjoni kollettiva. Il-ġurnalisti m’għandhomx għalfejn jirriskjaw ħajjithom biex jikxfu l-verità. Il-gvernijiet u s-soċjetajiet għandhom joħolqu ambjent fejn il-ġurnalisti jistgħu jaħdmu mingħajr biża’ ta’ vjolenza, intimidazzjoni jew ċensura.

Madankollu, ma ninsewx kif matul il-karriera brillanti tagħha fil-ġurnaliżmu ġieli ġiet demonizzata anke minn elementi fi ħdan ċerti djar tal-midja, li rrikorrew għal kull xorta ta’ aġġettivi dispreġġjattivi biex jipprovaw jiskreditaw ix-xogħol tagħha. Biżżejjed ngħidu li sa dakinhar li qatluha, xi wħud minn dawn in-nies kienu pubblikament jiftaħru li ma jseħulhiex ġurnalista.  Imma eżatt wara l-qtil brutali tagħha, dawn l-istess nies lagħbuha ta’ d-difensuri tal-istampa ħielsa. L-istorja se tiġġudika jekk konverżjoni bħal din kinitx tassew rimors ġenwin jew sempliċiment attentat biex jidhru sbieħ mal-poplu u fl-istess ħin iraqqdu l-kuxjenza tagħhom.

Hekk kif fakkarna dan l-anniversarju, ejjew naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna lejn il-prinċipji li Daphne kienet temmen fihom. Ejja nappoġġaw il-ġurnaliżmu investigattiv, nipproteġu lill-ġurnalisti. Ejja niftakru f’Daphne Caruana Galizia mhux biss bħala vittma iżda wkoll bħala eroj li l-legat tagħha jispirana biex nistinkaw għal dinja fejn it-tfittxija tal-verità tkun rispettata, stmata u mħarsa.

Irridu nkomplu l-ġlieda għal dinja aktar trasparenti, ġusta u responsabbli. Huwa biss billi niddefendu dawn il-valuri li nistgħu verament nonoraw il-wirt tagħha u niżguraw li s-sagrifiċċju tagħha ma kienx għalxejn.

Dakinhar waranofsinhar tat-Tnejn 16 ta’ Ottubru, 2017 kien mument importanti li bidel l-istorja ta’ pajjiżna. Sitt snin wara, nistgħu ngħidu li f’ħafna każijiet  – u dan jgħiduh anke dawk li kienu kritiċi ħarxa tagħna – ‘Daphne kellha raġun’.