Sigurtà tal-fruntieri: Il-MPE japprovaw l-introduzzjoni gradwali tas-Sistema ta’ Dħul-Ħruġ

Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili approva pjanijiet biex titħaddem gradwalment is-Sistema ta’ Dħul-Ħruġ (EES) fil-fruntieri esterni tal-UE.
Il-MPE tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili adottaw abbozz ta’ pożizzjoni dwar it-tnedija gradwali proposta tas-Sistema ta’ Dħul-Ħruġ (EES) fil-fruntieri esterni tal-UE b’54 vot favur, 2 kontra u b’10 astensjonijiet. Ladarba tkun operattiva, is-sistema tirreġistra informazzjoni personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluża dik bijometrika bħal ritratti tal-wiċċ u marki tas-swaba’, hekk kif jidħlu u joħorġu miz-zona Schengen b’viżi għal żmien qasir. Dan huwa maħsub biex itejjeb is-sigurtà, iħaffef il-proċess, u jnaqqas il-kjuwijiet.
Billi tniedi s-sistema gradwalment, u tippermetti lill-istati membri jibdew iħaddmuha fi stadji, għandu jkun possibbli li jiġi evitat li tnedija kullimkien fl-istess ħin tikkomprometti s-sistema. Matul il-perjodu ta’ ‘roll-out’, it-tnedija tista’ tiġi sospiża temporanjament jekk il-ħinijiet ta ‘stennija jsiru twal wisq jew ikun hemm kwistjonijiet tekniċi, jgħid ir-rapport tal-Kumitat.
Tnedija fuq 180 jum
Skont il-leġiżlazzjoni proposta, il-Kummissjoni se tiddeċiedi meta tibda perjodu ta’ 180 jum li matulu l-pajjiżi tal-UE jibdew l-implimentazzjoni bil-mod tal-EES fil-fruntieri tagħhom. Fl-ewwel jum ta’ dan il-perjodu, mill-inqas 10% tal-qsim tal-fruntieri jkollhom jiġu rreġistrati fis-sistema l-ġdida, li jiżdied sa 50% sad-90 jum, u 100% sal-180 jum.
Fl-emendi tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, l-MPE tal-Kumitat jinsistu li l-istati membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu jekk is-sistema jħaddmux gradwalment jew kollha f’daqqa. Huma jipproponu li jekk il-pajjiżi tal-UE jagħżlu li jimplimentaw l-EES fi stadji, allura għandhom igawdu aktar flessibbiltà biex jilħqu ċerti miri – jiġifieri, 10% tal-qsim tal-fruntieri rreġistrati fis-sistema li għandhom jintlaħqu sa jum 30 (minflok l-ewwel ġurnata), u 35% (minflok 50%) sa jum 90.
Il-MPE jridu jinkludu wkoll proċeduri ta’ kontinġenza għas-sistema ċentrali tal-EES, u jirrakkomandaw li la l-bidu u lanqas it-tmiem tal-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali m’għandhom jaħbtu mal-istaġuni tal-ogħla livell tal-ivvjaġġar, jiġifieri Ġunju-Awwissu u Diċembru-Frar.
Il-passi li jmiss
Il-Kumitat ivvota biex jawtorizza n-negozjati mal-Kunsill dwar l-għamla finali tal-leġiżlazzjoni b’60 favur, 3 kontra, u 3 astensjonijiet. L-abbozz tal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-PE se jitħabbar f’sessjoni plenarja futura. Jekk ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni, in-negozjati jistgħu jibdew.
Is-Sistema ta’ Dħul-Ħruġ (EES) hija waħda mid-databases interoperabbli tal-UE għat-tmexxija u s-sigurtà tal-fruntieri. Ladarba tkun kompletament operattiva, l-ittimbrar fiżiku tal-passaporti se jiġi sostitwit bis-sistema EES, biex ikunu aċċessibbli għal konsultazzjoni f’ħin reali minn stati membri oħra taz-zona Schengen, f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ sigurtà tagħhom. L-EES ġiet żviluppata mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ġestjoni Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fiz-Zona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA).
Is-sistema se timmarka l-ewwel darba li l-informazzjoni bijometrika, inklużi l-marki tas-swaba’ u r-ritratti tal-wiċċ, tinġabar b’mod sistematiku fil-fruntieri esterni tal-UE. Huwa mistenni li jnaqqas il-ksur tar-regoli tad-dħul.
