Rimedji madwar l-UE kontra oġġetti diġitali difettużi
Persuni li jixtru jew li jniżżlu l-mużika, apps, logħob minn fuq l-internet jew jużaw is-servizzi tal-cloud se jkunu mħarsa aħjar meta l-bejjiegħ jonqos milli jissupplixxi l-kontenut jew jipprovdi xi wieħed difettuż.
L-ewwel regolamenti dwar “il-kuntratti diġitali” mifruxin mal-UE u li jipproteġu aħjar lil min jixtri fuq l-internet kienu approvati mill-Ewro Parlamentari fuq il-kumitati tas-Suq Intern u l-Affarijiet Legali.
Ir-regolamenti fi stadju ta’ abbozz japplikaw meta l-konsumaturi jħallsu għal kontenut diġitali jew jipprovdu l-informazzjoni personali tagħhom sabiex jaċċessawha (eż. billi jirreġistrawha għal servizz fuq l-internet jew fuq il-media soċjali). Dawn ir-regolamenti jkopru l-kontenut diġitali u servizzi kollha, irrispettivament mill-mezz użat għat-trasmissjoni tagħhom (eż. permezz tas-CDs, DVDs, downloading, web-streaming, aċċess għal kapaċitajiet ta’ ħażna jew użu ta’ media soċjali).
Id-direttiva tinkludi regolamenti fuq, fost oħrajn, rimedji disponibbli għall-konsumaturi u l-obbligi tal-bejjiegħ.
Id-direttiva tesiġi li:
- Meta jħabbat wiċċu ma’ kontenut jew servizz difettuż, il-konsumatur għandu l-ewwel jistaqsi sabiex il-problema tissolva. Jekk dan ma jkunx possibbli jew ma jseħħx fi żmien raġonevoli, il-klijent għandu jkun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew itemm il-kuntratt u jingħata l-flus lura fi żmien 14-il jum;
- Jekk id-difett joħroġ f’temp ta’ sentejn mid-data tal-provvista, il-konsumatur ma jkunx jista’ jipprova l-ħsara. Minflok, il-bejjiegħ ikollu jipprova li l-ħsara seħħet. Għal software li tkun fl-oġġetti (eż. ‘smart’ fridges), it-treġġigħ lura tal-oneru tal-prova japplika għal sena, filwaqt li kuntratti fit-tul (aktar minn 12-il xahar), l-oneru tal-prova jibqa’ mal-bejjiegħ tul il-kuntratt;
- Jekk il-bejjiegħ jonqos milli jissupplixxi l-kontenut, ix-xerrej ikun kapaċi jtemm il-kuntratt sakemm iż-żewġ partijiet jaqblu fuq perijodu addizzjonali ta’ żmien;
- Regolamenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw b’mod sħiħ fil-kuntest ta’ dawn “il-kuntratti diġitali”.
Eżempju: klijent iħallas biex iniżżel film minn fuq l-internet, imma ma jistax jarah minħabba l-kwalita’ fqira tiegħu. Illum, il-klijent jista’ biss jirċievi skont għal downloads oħrajn fil-futur. Taħt ir-regolamenti l-ġodda tal-UE, il-klijent jista’ jistaqsi lill-bejjiegħ sabiex jipprovdi verżjoni oħra li taħdem sewwa. Jekk dan ma jkunx fattibbli, jew il-bejjiegħ jonqos, il-klijent jista’ jistaqsi għal tnaqqis fil-prezz jew jitlob għal rifużjoni sħiħa.
Kuntratti għall-provvista ta’ kontenut u servizzi diġitali jkunu konklużi kuljum minn miljuni ta’ persuni. Il-kontenut diġitali jkopri firxa wiesgħa ta’ affarijiet, bħal mużika, films, apps, logħob u programmi tal-kompjuter. Servizzi diġitali jinkludu, per eżempju, servizzi tal-cloud u pjattaformi tal-media soċjali.
Il-mandat sabiex jibdew in-negozjati mal-Kunsill tal-UE kien approvat b’55 vot kontra sitta, b’ebda astensjoni. Taħditiet fost il-ko-leġislaturi jistgħu jibdew malli l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.